EURO 2024 Futbol Sport

Tiġi fi tmiemha l-fażi tal-gruppi

(Ritratt: EPA)

Ukrajna v Belġju

Illum tiġi fi tmiemha l-fażi tal-gruppi tal-EURO 2024 fejn jispikkaw il-partiti minn Grupp E hekk kif kollox għadu miftuħ.

Fl-MHPArena, l-Ukrajna jilagħbu kontra l-Belġju f’partita fejn it-timijiet kollha f’dan il-grupp jinsabu bl-istess ammont ta’ punti. Il-kowċ Ukren Serhiy Rebrov qal li l-avversarji huma b’saħħithom fejn qabel bdiet il-fażi tal-gruppi ħafna kienu jpoġġuhom bħala l-favoriti li jirbħu t-tournament.

Minn naħa l-oħra l-kowċ Domenico Tedesco qal li t-tim tiegħu dejjem jinżel fil-ground biex jirbaħ u ma jinkwetax daqshekk fuq dak li jingħad qabel il-partita.

Slovakkja v Rumanija

F’partita oħra mill-istess grupp E, l-Islovakkja jilagħbu kontra r-Rumanija. It-tim Rumen jista’ jitqies bħala sorpriża tal-kompetizzjoni wara r-rebħa fl-ewwel partita tal-grupp.

Il-kowċ Slovakk, Francesco Calzona qal li fl-aħħar partita tilfu ċ-ċans li jikkwalifikaw u l-fatt li għadhom biċ-ċans li jagħmlu dan hija xi ħaġa pożittiva għall-pajjiż żgħir bħas-Slovakkja.

Il-kowċ Edward Iordanescu qal li l-partita tal-Erbgħa filgħaxija huwa l-mument tal-verità għar-Rumanija.

Georgia v Portugall

Minn Grupp F, il-Portugall huma diġa kwalifikati għall-fażi li jmiss u se jkunu qed jilagħbu kontra l-Georgia li ċ-ċansijiet tagħhom li javvanzaw għadhom possibli minkejja li għandhom punt wieħed biss.

Willy Sagnol il-kowċ tal-Georgia qal li l-Portugall huwa wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja, bi plejers ta’ kwalità kbira.

Roberto Martinez tal-Portugall qal li minkejja li t-tim tiegħu diġa kwalifika xorta waħda se jkun qed jilgħab b’tim kompetittiv hekk kif din hija kompetizzjoni qasira.

Rep. Ċeka v Turkija

F’partita fejn ir-riżultat jista’ jmur kull naħa, ir-Repubblika Ċeka jilagħbu kontra t-Turkija. It-Torok jibdew favoriti li jikkwalifikaw hekk kif draw għalihom ikun biżejjed minn naħa l-oħra ċ-Ċeki jridu rebħa.

Ivan Hasek kowċ tar-Repubblika Ċeka qal li din il-partita se tkun differenti mill-partita l-oħra u b’hekk se jkun qed jistenna prestazzjoni differenti mit-tim tiegħu.

Vincenzo Montella kowċ tat-Turkija qal li ħafna mill-plejers tiegħu qatt ma lagħbu f’tournament ta’ dan it-tip u b’hekk il-fattur tal-esperjenza jista’ jkun kruċjali f’din il-kompetizzjoni.