Lokali

“Toħroġ risposta u ma tingħatax tweġiba dwar dak li qed jiġi allegat dwar il-Ħabs” – PN

Fi stqarrija maħruġa aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ domandi wara li l-Head of Strategy tal-Ħabs Svetlana Muscat tinsab fuq forced leave b’rabta ma’ allegazzjoni serja ħafna dwar laqgħat sigrieti f’uffiċċju f’Kordin biex persuni jiltaqgħu ma’ persuna miżmuma l-Ħabs.

Filwaqt li kienet innutata l-ispeditezza tal-Ministru li jirrispondi bi stqarrija maħruġa b’risposta, l-istess ma jistax jingħad dwar il-kontenut.

Il-Partit Nazzjonalista jqis li għall-Ministru Byron Camilleri dan hu każ ieħor li jrid jitfa’ taħt it-tapit mingħajr ma jinforma lill-pubbliku dwar x’qed jiġri fl-uffiċini tal-Ħabs ta’ Kordin.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalisa se jerġa’ jfakkar il-mistoqsijiet pubbliċi li ntbagħtu dalgħodu u li għalihom il-Ministru għażel li ma jirrispondix:

– Jagħti r-raġuni għaliex ingħata forced leave lill-Head of Strategy tal-Ħabs Svetlana Muscat;

– X’passi oħra ttieħdu fil-konfront ta’ Svetlana Muscat u jekk ittieħdux passi wkoll fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u/jew terzi;

– Jekk hu minnu li saru dawn il-laqgħat, dwar xiex kienu u jekk kienx hemm xi rabta ma’ proċeduri pendenti l-Qorti jew inkella dawn il-laqgħat sarux dwar raġunijiet estraeni li se jkunu investigati;

– Xi proċedura ġiet adottata biex Svetlana Muscat, minn Communications Coordinator ingħatat l-inkarigu ta’ Head of Strategy f’Kordin, filwaqt li jipprovdi l-esperjenza u r-rekwiżiti li għandha biex setgħet tokkupa tali kariga.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti għal trasparenza u kontabbiltà sħiħa.