Kien fis-27 ta’ Ġunju tal-2007 meta ħames persuni mietu traġikament waqt li kienu qed jippreparaw in-nar għall-festa għażiża tagħhom – dik ta’ Sant’Elena.
F’dan l-inċident tilfu ħajjithom il-Karkariżi Vincent Galea ta’ 66 sena, Sunny Borg ta’ 31 sena, Paul Bonnici ta’ 47 sena, u Richard Cardona ta’ 25 sena. Magħhom kien tilef ħajtu wkoll il-Belti Carmel Farrugia ta’ 22 sena, li kien jaħdem in-nar għal Birkirkara kif ukoll għall-festa tiegħu tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta.
Ma’ dawn il-ħamsa kien hemm ukoll Joseph Bonello, li baqa’ ħaj. Hu spjega mal-paġna ‘The People of Malta’ li ftit qabel seħħet l-isplużjoni, hu nzerta ħareġ mill-kamra. Hu ma jiftakarx x’ġara wara li ra l-isplużjoni, iżda ftakar kif sab ruħu l-isptar, fejn sar jaf li kien l-unika persuna li għex. Hu għadu s’issa jirringrazzja lil dawk li tawħ l-ewwel għajnuna. Minkejja dan, hu stqarr li dejjem jistaqsi għala hu biss għex, u għala l-oħrajn le, kif ukoll semma’ kif dejjem iħossu emozzjonat meta jisma’ xi murtal.
L-Għaqda tan-Nar ta’ Santa Liena ħabbru li se jkun hemm quddiesa b’suffraġju għal ruħhom fis-27 ta’ Ġunju fis-6.30pm fil-Bazilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.
//= $special ?>