Lokali

Erbat irġiel iġarrbu ġrieħi wara li kienu involuti f’argument f’Wied il-Għajn

Erbat irġiel sofrew minn xi ġrieħi wara li kienu involuti f’argument ma’ numru ta’ persuni oħra.

L-argument seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tal-10:00 f’residenza fi Triq il-Kavallieri ta’ Malta, f’Wied il-Għajn.

Il-Pulizija marret fil-post fejn ġie nnotat taqtir ta’ demm, iżda l-persuni involuti kienu telqu mill-post. Waqt l-investigazzjonijiet irriżulta li erba’ persuni kienu marru l-Isptar Mater Dei b’vettura privata wara li kellom argument ma’ xi persuni oħra f’residenza fl-imsemmija triq. Irriżulta wkoll li waqt l-argument allegatament intużaw xi armi li jaqtgħu u bil-ponta.

Aktar tard wieħed mill-irġiel, Sirjan ta’ 47 sena residenti l-Mosta, kien iċċertifikat bi ġrieħi gravi, filwaqt li t-tlett irġiel l-oħra, li għandhom 19, 20 u 21 sena u kollha residenti l-Mosta, kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex jiġu identifikati persuni oħra li kienu involuti f’dan il-każ.