Lokali

“Fil-Labour hemm il-biża’… hemm deputati li ħassru l-vot fl-aħħar elezzjonijiet” – Neville Gafà

“Kulħadd jibża’ li jiġi mhedded għax jikkr itika… hemm MPs li tilfu s-simpatija lejn il-Partit”

Skont Neville Gafà, hemm Deputati Laburisti li fl-aħħar elezzjonijiet marru jivvutaw u ħassru l-vot.

Dan saħqu permezz ta’ kitba fuq Facebook hekk kif insista li diversi Membri Parlamentari Laburisti li qed jitkellmu miegħu qed jisħqu l-istess ħaġa – li fil-Partit tal-Labour illum qed jirrenja l-biża’ – kulħadd jibża’ jikkritika għax jispiċċa mhedded.

Neville Gafà, li fl-amministrazzjoni preċedenti – ċioè ta’ Joseph Muscat – kien persuna qrib sew tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, insista li dawn id-deputati ma vvotawx għaliex ġenwinament jemmnu li l-Partit Laburista jinsab maħtuf minn ċorma nies u li l-Gvern qabad direzzjoni ħażina.

Huwa sostna wkoll li l-Labour tilef is-simpatija tal-poplu, u saħansitra s-simpatija tad-Deputati tiegħu stess.

Gafà temm jgħid li fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kollox business as usual.

Dan kollu jasal wara li fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu kien ta ċamata lill-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti Alex Agius Saliba, flimkien ma’ Daniel Attard, għaliex ħallew lil Joseph Muscat jirkibilhom il-karru tul il-kampanja.

Ċamata ċara u tonda tant li waqt il-Mass Rally fir-Rialto, f’Bormla, it-tmexxija ordnat lil Agius Saliba biex ma jżommulux post fis-sala – fatt li wara dawn il-jiem kollha ħadd ma ċaħad.