Internazzjonali

Franza: Marine Le Pen thedded il-poteri tal-Presidenza fuq l-Armata

Marine Le Pen

Marine Le Pen, bħala l-Kap tal-Partit Rally Nazzjonali tal-lemin estrem, wissiet li l-President Franċiż, Emmanuel Macron, mhux se jkun jista’ jibgħat it-truppi tal-pajjiż lejn l-Ukrajna jekk kemm-il darba l-partit tagħha jifforma l-Gvern li jmiss f’Pariġi.

Emmanuel Macron, bħala President, bħalissa għandu wkoll ir-rwol ta’ Kap Kmandant tal-Armata Franċiża u li għandu wkoll sehem importanti fil-politika internazzjonali u għad-difiża ta’ pajjiżu.

Intant, dan kollu jista’ jinbidel jekk l-estremisti ta’ Le Pen jirbħu l-elezzjonijiet li jmiss għall-Parlament Franċiż – bl-ewwel fost iż-żewġ votazzjonijiet jridu jsiru proprju nhar il-Ħadd li ġej,

Le Pen, issa, qalet li ‘t-titlu tal-Kap tal-qawwiet Franċiżi hu sempliċi wieħed onorarju għall-President ta’ Franza’. Hi sostniet li huma l-Prim Ministru u l-Gvern ta’ Franza li dejjem iġorru l-piż finanzjarju għall-funzjoni ta’ dawn il-qawwiet.

L-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni qed juri, intant, li r-Rally Nazzjonali ta’ Le Pen kapaċi jirbaħ ftit aktar minn 36 fil-mija tal-appoġġ waqt il-vot nazzjonali. Iżda dan l-ammont potenzjali huwa anqas mill-maġġoranza assoluta li l-partit jeħtieġ biex jikkontrolla tassew lill-Parlament.