‘Il fuq minn 30,000 persuna attendew il-kunċert ta’ Ed Sheeran f’Ta’ Qali – l-ikbar kunċert bi ħlas li qatt kien hawn f’pajjiżna.
Dan il-kunċert jifforma parti mill-Mathematics Tour li qed jagħmel Ed Sheeran; isem li jgħaqqad flimkien l-erba’ albums tiegħu.
Din is-serata nfetħet mill-artist Calum Scott – kantant Ingliż li ħafna jafuh għall-kanzunetti “Dancing On My Own”, “You Are The Reason” u “Where Are You Now” fost ħafna oħrajn. Matul il-kunċert hu ħabbar ukoll id-diska l-ġdida tiegħu “Roots” filwaqt li kanta din il-kanzunetta għall-ewwel darba.
Scott kien emozzjonat immens lejn l-aħħar tal-kunċert, filwaqt li wiegħed lill-Maltin li żgur se jerġa’ jiġi lura.
Minn naħa tiegħu, l-artist Ed Sheeran għamel kunċert mill-isbaħ fejn wassal kanzunetti varji.
Bejn diska u oħra rrakonta diversi stejjer mill-ewwel ftit snin tal-karriera tiegħu fejn spjega kif hu beda billi kanta f’pubs żgħar fl-Ingilterra, u issa qed ikanta għal udjenzi kbar daqs ta’ Malta u ikbar.
Fil-kunċert, kien hemm mument ferm emozzjonanti waqt id-diska “Eyes Closed” li Ed Sheeran kiteb b’memorja tal-ħabib tiegħu li kien miet ħabta u sabta. Hu staqsa lill-udjenza sabiex jiddedikaw din id-diska għal persuni li tilfu, u li setgħu kienu qrib tagħhom.
Matul dan il-kunċert il-kantant libes flokk b’Malta miktuba fuqu. Imbagħad biddel, u libes il-flokk tat-tim Malti tal-futbol, filwaqt li kemm-il darba sostna li minkejja kienet l-ewwel darba tiegħu f’Malta, għoġbitu ħafna u jixtieq jerġa’ jiġi lura.
//= $special ?>