Lokali

Il-Ministru Abela jammetti li l-proġett tas-Cyclotron mhux qed jaħdem

Il-proġett tas-Cyclotron għadu mhux qed jiffunzjona.

Dan ikkonfermah il-Ministru għas-Saħħa JoEtienne Abela ma’ Net News – f’dik li hi t-tieni konferma li waslet f’temp ta’ ftit jiem, wara li ċ-Chief Financial Officer tal-Malta Enterprise Joseph Zammit xehed taħt ġurament fil-Qorti li dan il-proġett tal-kanċer għadu mhux qed jaħdem.

Il-proġett Cyclotron, proġett ta’ riċerka b’rabta mal-kura tal-kanċer li suppost kellu jkun qed jaħdem fil-Life Sciences Park, huwa marbut direttament mal-Iskandlu tal-Vitals hekk kif hemm madwar €7miljun mit-taxxi tal-poplu li ngħataw lill-kumpanija Mtrace b’rabta ma’ dan il-proġett – miljuni li ħadd ma jaf x’sar minnhom tant li wara l-2018 kellha tidħol tagħmel tajjeb għalihom il-Malta Enterprise.

Madanakollu, fl-aħħar ġimgħat kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela taw x’jifhmu li dan il-proġett issa huwa lest.

Iżda meta mistoqsi minn Net News, il-Ministru għas-Saħħa JoEtienne Abela inizjalment qal li s-Cyclotron ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu filwaqt li saħaq li preżentament jinsab f’fażi avvanzata… għalkemm mhux jiffunzjona.

Madanakollu, mistoqsi b’mod insistenti x’fadal biex dan jibda jaħdem, il-Ministru farfarha b’mod totali fuq il-Malta Enterprise – u ċioè, fuq il-Ministru Silvio Schembri.

Is-saga tal-Vitals u Steward li preżentament hija tema ta’ żewġ kawżi separati fil-Qorti quddiem il-Maġistrati Rachel Montebello u Leonard Caruana… tpoġġi taħt lenti kif allegatament kien hemm min iffroda minn flus il-poplu miljuni tal-ewro, anke b’rabta ma’ suġġett tant sensittiv bħal marda tal-kanċer. Skandlu li l-familji Maltin u Għawdxin għadhom qed isofru minnu sal-lum il-ġurnata.

Implikati f’din is-serqa ta’ miljuni hemm fost l-oħrajn Joseph Muscat, Chris Fearne, Konrad Mizzi u Edward Scicluna, bil-Qorti tpoġġi taħt att ta’ akkuża lill-Eks Prim Ministru Muscat, lill-Eks Ministru Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri li kien Chief of Staff f’Kastilja.