Lokali

Is-serata finali ta’ Miss World Malta 2024 se ssir fit-3 ta’ Lulju

Nhar l-Erbgħa 3 ta’ Lulju, waqt xandira diretta minn Fort St. Elmo, se nsiru nafu min ser jirrrappreżenta lil Malta fl-akbar konkors tas-sbuħija – Miss World. Se nsegwu wkoll lil Martine Cutajar, ir-rebbieħa tas-sena l-oħra, iċċedi l-kuruna tagħha.

Din hija s-27 edizzjoni li Modelle International organizzat din is-serata minn mindu ngħataw il-liċenzja minn Miss World Jersey Ltd. Ta’ kull sena jlaqqgħu 25 kontestant minn diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Il-kontestanti kollha, li diġà ġew iġġudikati fuq il-personalità, se jidhru jimmudellaw ilbiesi eleganti. Fil-finali se naraw 12-il mudell jiġu ġġudikati fuq il-figura tagħhom permezz ta’ malji tal-għawm, biex mbagħad naraw l-aħħar sitt finalisti jgħaddu l-messaġġ tagħhom.

Il-ftuħ tas-serata se tkun f’idejn Kurt Calleja u Kevin Paul Calleja.

Is-serata se tkun immexxija mill-preżentaturi Keith Demicoli u Sarah Bajada.

Dawk kollha preżenti se jaraw kollezzjoni tal-aħħar moda minn Shubette, Raja & Co. Chelsey’s, Gis’el Couture, Colcci u Intimate Swimwear.

Sue Rossi u Claudia Calleja , l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment, huma sodisfatti immens wara ħafna xhur ta’ ħidma mill-protagonisti ta’ nhar l-Erbgħa li ġej.

Wieħed jista’ jixtri l-biljetti billi jikkuntattja lil Miss World Malta fuq 99494817 jew 99472075. Il-pubbliku jista’ jivvota għall-kontestant favorit tiegħu billi jibgħat messaġġ b’isem il-kontestant fuq 50615022.