Lokali

Is-servizz tal-Gozo Channel jeħel għal sagħtejn għax ħaddiema waqfu jaħdmu

Il-Ministru t’Għawdex iħabbar passi dixxiplinarji fil-konfront tal-ħaddiema

Il-Ħamis kmieni waranofsinhar inħoloq kaos sħiħ fiċ-Ċirkewwa kawża ta’ azzjoni bla avviż min-naħa ta’ xi ħaddiema tal-kumpanija Gozo Channel.

Numru kbir ta’ sewwieqa spiċċaw jistennew fi kjuwijiet kbar ta’ vetturi minħabba l-fatt li skont informazzjoni miksuba minn din il-kamra tal-aħbarijiet, ma kien hemm ħadd min jorbot il-vapur.

Għadd ta’ persuni li kkuntattjaw lil Net News spjegaw li l-frustrazzjoni kienet waħda kbira u li ħadd mill-kumpanija ma kien qiegħed jikkomunika mas-sewwieqa preżenti.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li wara li kien hemm bidla fil-kuntrattur tal-ħaddiema tal-Gozo Channel fl-aħħar jiem – b’sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mhux qed jitjiebu.

Dan filwaqt li min jaħdem direttament mal-kumpanija għandu kundizzjonijiet ferm aħjar minn dawk li jaħdmu mal-kuntrattur – minkejja l-għajta tal-Gvern qabel l-elezzjoni tal-equal pay for equal work u li se jkun qiegħed jeradika d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Intant, permezz ta’ kitba fuq Facebook, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna li l-kumpanija Gozo Channel se tkun qed tieħu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema.

Għaldaqstant, minflok li ta widen għal karba tal-ħaddiema, il-Ministru għoġbu jipproċedi bil-ponn tal-ħadid fil-konfront ta’ dawn il-persuni li qed jisħqu li qed jaħdmu f’kundizzjonijiet mhux tajbin.

Intant, ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg sostna li dak li seħħ tul il-jum tal-Ħamis ma kellux jiġri.

Huwa insista li wara dak li seħħ, kellmuh numru ta’ ħaddiema kif ukoll dawk il-persuni li tħallew fi kjuwijiet twal fix-xemx u sħana.

Alex Borg insista li l-ħaddiema ġew ballun bejn ftit kuntratturi u ntużaw mill-politiċi għall-vot bil-ħsieb li huma daħħlu mal-Gozo Channel.

Dan filwaqt li saħaq li huma spiċċaw iduru minn kuntrattur għall-ieħor bil-konsegwenza li l-kundizzjonijiet tagħhom dejjem imorru għalll-agħar.

Alex Borg temm jgħid li nqdew bil-ħaddiema u issa spiċċaw mormija, abbandunati u issa kemm il-Gozo Channel kif ukoll il-Ministru spiċċaw jixħtu l-ħtija kollha fuqhom.

Intant huwa insista li l-ġlieda għad-drittijiet tagħhom se jkun qiegħed jagħmilha flimkien magħhom.