Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kontroll komplet tas-sitwazzjoni fl-MCAST, bit-tkaxkir tas-saqajn qed ikompli jitfa’ aktar piżijiet kemm fuq l-edukaturi, kif ukoll fuq l-istudenti, bil-futur tagħhom jinsab f’limbu.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Justin Schembri, Ivan Castillo u Bernice Bonello, li appellaw mill-ġdid lill-Gvern biex ma jibqax jipposponi n-negozjati u jixxaħħaħ mal-MCAST għax b’dan id-dewmien qed jikkundizzjona lill-Kulleġġ milli jopera b’mod awtonomu. Il-kundizzjonijiet tal-letturi u gradi oħrajn fl-MCAST għandhom jingħataw prijorità assoluta waqt li jkunu trattati kif jixraq immedjatament.
Il-kelliema tennew li r-responsabbiltà fin-negozjati taqa’ fuq spallejn il-Prim Ministru Robert Abela, li jwiegħed u ma jwettaqx, kif ukoll fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, li ma wasalx biex jikkonkludi l-Ftehim Kollettiv mal-MUT sentejn u nofs wara li skada.
Kawża ta’ dan in-nuqqas serju, eluf kbar ta’ studenti fl-MCAST qed iħallsu l-prezz bl-eżamijiet u l-marki tagħhom, filwaqt li l-letturi għadhom bid-direttivi msejħa mill-Union li għadha qed issib il-bibien tan-negozjati magħluqa kontinwament. Minħabba n-nuqqasijet ta’ Robert Abela u Clifton Grima, l-istudenti mhux qed jirċievu r-riżultati li tant stinkaw għalihom.
Din l-attitudni tal-Gvern, li ilha għaddejja matul din is-sena akkademika kollha, tkompli tikkonferma li Robert Abela mhux impenjat bis-serjetà biex jagħlaq il-ftehim li ilu skadut aktar minn sentejn u nofs u jagħti dak li ilu jwiegħed lil-letturi u lill-istudenti.
Il-kelliema qalu li l-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur is-settur edukattiv għax jemmen li l-edukazzjoni hi l-qofol tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Itenni li l-investiment li jsir fl-għalliema u fl-edukaturi kollha hu wkoll investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ
//= $special ?>