Il-Moviment Graffiti u s-soċjetà ċivili jinsabu diżappuntati bid-deċiżjonjiet tal-Gvern rigward il-proġett ta’ flyover fl-Imsida, anke jekk il-Kamra tal-Periti proponew alternattiva aħjar.
Matul din il-ġimgħa, il-Kamra tal-Periti ppreżentaw il-proposti tagħhom għall-proġett tal-Imsida. Huma qed jipproponu soluzzjoni msejsa fuq in-natura, li tinkludi masġar u toroq li jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru bħala alternattiva għall-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta – li min-naħa tagħhom qed jipproponu flyovers kbar li jiddominaw il-qalba tal-Imsida.
Is-Sindku elett fil-Kunsill Lokali tal-Imsida Charles Selvaggi, flimkien mal-kunsilliera kollha f’isem il-Partit Nazzjonalista, laqgħu bi pjaċir il-proposta mressqa mill-Kamra tal-Periti bħala alternattiva għall-proġett tal-flyover kif oriġinarjament propost.
Il-Kunsillieri fakkru li kellhom ir-riżervi tagħhom għall-proġett tal-flyover kif propost mill-awtoritajiet; aktar u aktar fid-dawl li ma kienet ingħatat ebda garanzija li l-flyover, kif proposta, kienet se tnaqqas it-traffiku fiz-zona.
Minkejja dawn l-ideat kollha, Infrastructure Malta jidhru li mill-bidu nett baqgħu jinsistu li jkomplu bil-pjanijiet tagħhom għal dawn il-flyovers massiċċi. Dawn il-flyovers se jiffavorixxu l-vetturi filwaqt li jispiċċaw jifgaw u jaqsmu lill-komunità Msidjana. Anke jekk il-Ministru responsabbli Chris Bonnet sostna li kellu jisma’ lin-nies – u xorta hu stess spiċċa jikkonferma li l-proġett tal-flyovers ser isir.
Proġetti bħal dan tal-Imsida, bil-mod li qed jiġi propost, jorbot lill-pajjiż b’futur ta’ trasport bil-karozzi. Dan meta l-Ewropa u l-bqija tad-dinja qed iżarmaw il-flyovers għaliex dawn huma meqjusa bħala soluzzjonijiet antikwati li diġà fallew bil-provi.
Il-Moviment Graffitti, minn naħa tiegħu qal li dan il-proġett għadu nieqes mill-konnettività bażika għal min juża mezzi ta’ trasport alternattivi, li jinkludi persuni li jivvjaġġaw bil-mixi, persuni li jużaw tal-linja, u dawk li jsuqu r-rota.
Graffitti insistew li s-suġġermenti dejjem waqgħu fuq widnejn torox u bil-kummenti tiegħu li l-proposti tal-Kamra tal-Periti huma “tard wisq” u “attentat iddisprat biex jiġbu l-attenzjoni tal-midja”, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon qed juri biċ-ċar li qed jirrifjuta li jindirizza l-kwistjonijiet serji marbuta ma’ dan il-proġett kontroversjali tal-Imsida.
//= $special ?>