Lokali

L-OASI tfakkar it-33 anniversarju mit-twaqqif tal-Fondazzjoni

Nhar is-26 ta’ Ġunju jimmarka il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż tad-Droga u t-Traffikar Illeċitu kif ukoll il-ġurnata li ġiet imwaqqfa l-Fondazzjoni. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem l-OASI sar għodda fejn dawk li għaddejjin min xi addiction u l-familji tagħhom setgħu jsibu kenn u għajnuna.

Il-Kap Eżekuttiv ta-OASI, Noel Xerri, beda billi jfakkar li f’dan il-jum niċċelebraw it-33 anniversarju mit-twaqqif tal-organizzazzjoni kif ukoll il-25 sena mill-bidu tas-servizz residenzjali tal-Fondazzjoni. Fid-diskors tiegħu xtaq jaqsam ftit mit-tlajja’ u mill-inżul li esperjenzat il-Fondazzjoni dal-aħħar. Fosthom il-legalizzazzjoni tal-użu rikreattiv tal-kannabis, individwi ta’ 18-il jużaw il-kokaina fil-weekend u l-ġenituri ma jafux x’ser jaqbdu jagħmlu minħabba l-użu tad-droga ta’ wliedhom, l-użu tal-vapes u n-Nitrus Oxide (il-laughing gas) li qed jiġu abbużati minn studenti ta’ madwar 14-il sena, kif ukoll il-fatt li d-drogi qed jinbiegħu fis-supermarkets u anke online.

Semma l-perikli li hemm marbuta ma’ drogi bħall-HHC, katamina qegħda mmarkata bħala MDMA u amfetamina qegħda mmarkata bħala Speed. Dawn huma drogi li qed jinbiegħu hawn Malta u Għawdex fi ħwienet u online. Kompla jgħid li mħabba dawn ir-realtajiet, importanti li nrawmu u ngħallmu lit-tfal tagħna jkunu reżiljenti u jġibu s-sodisfazzjoni milli jkunu altruwisti u onesti.

Għalaq id-diskors tiegħu billi enfasizza li mhux kulħadd qiegħed fl-istess dgħajsa iżda li kulħadd qiegħed fl-istess baħar – jiġifieri, wieħed għandu bżonn tal-ieħor.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni, Joseph Borg, enfasizza li ż-żminijiet tal-lum huma drastikament differenti min dawn tas-seklu l-ieħor, li sar ħafna progress iżda mhux kollox qed iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Kompla li bl-eżempju, qed ikun hemm attitudni ta’ ‘xejn mhu xejn, li d-droga llum tilbes ta’ ħabib. Id-droga qegħda fuq l-ixkaffa tas-supermarkets, jew tasallek id-dar f’ħin qasir.

Huwa saħaq li għandna naħsbu fuq x’pajjiz nixtiequ nħallu warjna għal ġenerazzjonijiet li ġejjin. Għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil kull min kien ta’ għajnuna fis-snin kollha tal-OASI inklużi l-Ministru tal-Politika Soċjali, il-Ministru għal Għawdex, l-Eċċ. Tiegħu Mons. Anton Teuma u lill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono li żaret lill-OASI darbtejn riċentament.

Fl-aħħar taċ-ċerimonja qasira, it-tmexxija tal-Fondazzjoni OASI rrikonoxxiet l-għajnuna ta’ Cini’s Bakery, billi dawn il-furnara fornew bil-ħobż lir-residenti li jkunu jagħmlu programm, senza interessi, għall-25 sena. Ġie rikonoxxut it-30 sena ta’ ħidma mal-Fondazzjoni ta’ Dr Patrick Sciberras.