Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Tiffirma patt tas-sigurtà mal-Ukrajna

L-Unjoni Ewropea ftit tal-ħin ilu ffirmat ftehim tas-sigurtà mal-Ukrajna u fejn impenjat ruħha biex tibqa’ tipprovdi l-għajnuna militari, finanzjarja, diplomatika u anki umanitarja lil dan il-pajjiż għat-tul taż-żmien.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, mar fi Brussell biex jiffirma l-ftehim waqt is-summit li qed isir bħalissa għas-27 Mexxejja tal-Istati membri. Intant, l-iffirmar seħħ jiem biss wara li l-Ukrajna kellha l-ewwel taħditiet għall-isħubija formali fl-Unjoni.

Zelensky, waqt diskors fi Brussell, irringrazzja lill-Mexxejja għall-ftehim waqt li appella biex il-pajjiżi li għadhom ma impenjawx ruħhom favur is-sigurtà tal-Ewropa jieħdu passi deċiżivi li għandhom jagħmlu d-differenza kollha għall-futur tal-kontinent li qed jiffaċċja l-akbar sfida għas-sigurtà miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-ftehim mal-Ukrajna, intant, kien iffirmat ukoll mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u minn Ursula von der Leyen bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea.