Minkejja r-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq id-deal tal-isptarijiet ta’ Vitals u Steward, il-Pulizija ma ħasset l-ebda bżonn li tinvestiga.
Dan ħareġ minn xhieda fil-Qorti tal-Ispettur Wayne Rodney Borg hekk kif il-Ħamis filgħodu kompliet il-kawża quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, fejn fost oħrajn qed jidhru d-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne u l-Eks Ministru u Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna… akkużati fost oħrajn bi frodi.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur sostna li meta l-Pulizija marret tagħmel tfittxija fl-uffiċċji ta’ Steward Healthcare biex jassistu lill-Maġistrat Inkwirenti Gabriella Vella, ma sabu lil ħadd ħlief receptionists.
Intant, fis-seduta li jmiss – nhar it-Tlieta 2 ta’ Lulju – mistennija jixhdu xhieda minn JobsPlus, id-Direttur tal-Uffiċċju għall-Awditur Ġenerali jew rappreżentant tal-NAO, kif ukoll żewġ spetturi tal-Pulizija.
Mill-Qorti rriżulta wkoll li s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol ġie mħarrek biex jixhed mill-Avukati ta’ Chris Fearne u Edward Scicluna, madanakollu huwa mistenni jixhed f’seduta oħra.
Finalment, il-Maġistrat Leonard Caruana sostna li se jkun qed jisma’ l-argumenti tad-difiża relatati mal-ordni ta’ ffriżar tal-assi f’seduti futuri. Is-seduta li jmiss hija skedata li ssir nhar it-Tlieta fil-ħdax ta’ filgħodu.
//= $special ?>