Nhar it-Tlieta 2 ta’ Lulju li ġej fis-7.30 pm fis-Santwarju Marjan tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema, is-Soċjetà Filarmonika “Sliema” flimkien mal-Kummissjoni Festi Parroċċa Santwarju Madonna tas-Sacro Cuor, ser ittella’ l-Programm Vokali u Mużikali tal-Festa Madonna tas-Sacro Cuor.
F’dan il-Programm Vokali u Mużikali tieħu sehem il-Banda Ċittadina “Sliema” taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Lesley Tabone bis-sehem tal-Kor tat-Tfal “Fathers’ Angels” immexxi minn Patri Joe Caruana, it-tenur Angelo Muscat, il-baritonu Ivan Vella u l-Kor Parrokkjali tal-Parroċċa Madonna tas-Sacro Cuor.
Il-programm qed jittella’ wkoll bil-kollaborazzjoni tal-Komunità Franġiskana kif ukoll tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. Ser ikun qed jiġi ppreżentat mis-Sur Mario Fenech.
Bħala mużika li se tindaqq il-programm jiftaħ bil-“Fanfarre for the Common Man” ta’ Aaron Copland b’arranġament mużikali għall-banda ta’ Ronnie Debattista. Ngħaddu imbagħad biex nisimgħu solo fuq il-kurunetta ta’ “The Lonely Shepherd” ta’ James Last b’arranġament ta’ Peter Cini. Il-programm ikompli bl-esekuzzjoni ta’ “Op 50 – L-Assedju l-Kbir ta’ Malta” ta’ Joseph Sammut.
Wara l-Kor tat-Tfal “Fathers’ Angels” jingħaqad mal-Banda Sliema biex ikantaw l-Innu “Int Sultana Tas-Slimiżi” ta’ Lesley Tabone, b’lirika ta’ Joseph Cuschieri.
Wara ngħaddu biex il-Banda Sliema flimkien mat-tenur Angelo Muscat, il-baritonu Ivan Vella u l-Kor Parrokkjali jesegwixxu l-Innu l-Kbir “Lis-Sultana Tagħna tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù”, kompożizzjoni ta’ Ferdinando Camilleri u lirika ta’ Luigi Billion.
Wara xi preżentazzjonijiet u messaġġi tal-okkażjoni mill-President tas-Soċjetà Jesmond Vella u mill-Kappillan u Gwardjan Martin Coleiro, naslu fi tmiem il-programm bl-esekuzzjoni tal-Innu “Tislima lil Tas-Sliema”, miktub minn Andrew Coleiro għall-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, l-Innu Popolari “Viva Dejjem” ta’ Domenico Quercetti u lirika ta’ Patri Anastasju Cuschieri li se jitkanta mill-Kor tat-Tfal “Fathers’ Angels” u l-Inno “Sliema” ta’ Cardenio Botti li jagħlaq il-programm tal-Festa ta’ din is-sena.
//= $special ?>