Sport

Rebħiet għal Malta fil-basketball

It-tim Nazzjonali tan-nisa tal-basketball daħal fl-azzjoni fi Pristina fit-tieni partita minn Grupp A mill-Kampjonat FIBA Europe għall-Pajjiżi Żgħar meta għeleb lil Georgia 88 – 68.

Wara li fl-ewwel partita għeleb lil Kosovo 72 – 65, it-tim Nazzjonali mmexxi minn Charles Bonnici, ma falliex kontra Georgja f’partita li ddomina għal ħinijiet twal. Wara li Georgja rebħet l-ewwel sessjoni 23 – 14, waslet ir-reazzjoni minn Malta li rebħet is-sessjonijiet ta’ wara 30 – 15 u 25 – 21 sabiex bdiet l-aħħar sessjoni b’distakk ta’ għaxar punti 69 – 59. Dominju assolut minn Malta fl-aħħar sessjoni mirbuħa 19 – 9 sabiex il-partita ntemmet 88 – 68 għal Malta.

L-aħjar scorer għal Malta kienet Steffi DeMartino bi 30 punt filwaqt li Josephine Grima għamlet 19-il punt u Amber Melgoza 17-il punt.

Fit-tielet partia mill-grupp, Malta tilgħab kontra Cipru.

Sdattant, f’Ġibiltà kien fl-azzjoni wkoll it-tim nazzjonali tal-irġiel fit-tieni partita minn Grupp A mill-Kampjonat FIBA Europe għal Pajjizi Żgħar.

Malta għelbet lil San Marino  92 – 52.

Mit-telfa kontra Ġibilità 89 – 81, fl-ewwel ġurnata t-tim Malti mmexxi minn Duncan Fenech, wettaq reazzjoni biex rebaħ b’distakk ta’ 40 punt.

Dominju minn Malta fl-ewwel sessjoni li rebaħ 23 – 8, bl-andament jibqa’ l-istess fi tmiem it-tieni sessjoni 23 – 9 b’vantaġġ sostanzjali ta’ 46 – 17. Minkejja li San Marino rebħu t-tielet sessjoni 22 – 19, ebda problema għat-tim Malti li rebaħ l-aħħar sessjoni 23 – 13 biex għalaq il-partita 92 – 52.

Samuel Deguara kien l-aħjar scorer għal Malta b’26 punt, filwaqt li David Bugeja u Joshua Tomasi għamlu 13 u 11-il punt rispettivament.