Internazzjonali

Renju Unit: L-iskandlu dwar il-logħob tal-flus fuq l-elezzjoni kompla jkabbar il-kriżi tat-Tories

Il-poplu Britanniku qed iħejji għall-elezzjonijet ġenerali programmati għall-bidu tax-xahar id-dieħel u fost indikazzjonijiet li l-Partit Konservattiv fil-Gvern kapaċi jsofri l-aktar telfa umiljanti min-nofs is-snin disgħin.

It-Tories tal-Prim Ministru Rishi Sunak ilhom fil-poter għal 14-il sena u l-aħħar stħarriġ popolari qed juri li l-partit, fl-aħħar jiem, kompla jsofri minn emorraġija ta’ voti li żgur ma jawgurax tajjeb għall-ġejjieni.

Il-fatt li Sunak sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija lanqas mhu qed jgħin lill-partit fil-Gvern li fl-aħħar snin ressaq numru ta’ miżuri – inklużi liġijiet dwar l-immigrazzjoni – li ma niżlu tajjeb xejn mal-elettorat. Fl-istess ħin, l-analisti f’Londra qed jirreferu għall-kampanja elettorali tal-Konservattivi bħala waħda ‘diżastruża minn kull aspett’.

L-osservaturi politiċi kollha qed jaqblu li Sunak – li ħa t-tmexxija tat-Tories wara r-riżenja tal-Eks Prim Ministru Boris Johnson – ftit jista’ jagħmel biex fl-4 ta’ Lulju (jum l-elezzjoni) itaffi l-umiljazzjoni elettorali li qed tidher kważi imminenti.

Is-sitwazzjoni għal Sunak anki ggravat bil-kbir aktar mhuma joħorġu dettalji dwar skandlu kbir relatat mal-persuni, fosthom uffiċjali ewlenin, li huma qrib il-Prim Ministru.

Dawn il-persuni jinsabu taħt investigazzjoni wara li huma lagħbu l-flus fuq id-data tal-elezzjonijiet, proprju 24 siegħa qabel id-data kienet uffiċjalment ikkonfermata mill-Prim Ministru nnifsu. Sitwazzjoni mill-aktar suspettuża u li qed tingħata prominenza kbira mill-media Britannika.

Fost l-akkużati hemm id-deputat parlamentari Craig Williams, li hu alleat kbir ta’ Sunak; Nick Mason, li hu l-Uffiċjal ewlieni nkarigat mill-ġbir ta’ data għall-Partit Konservattiv; Tony Lee, bħala d-direttur tal-kampanja elettorali tat-Tori;s u Laura Saunders; kandidat tal-Partit Konservattiv għad-distrett ta’ Bristol North West.

L-awtoritajiet issa qed jinvestigaw jekk dawn il-persuni użawx l-informazzjoni klassifikata u sensittiva  biex jiggwadanjaw finanzjarment permezz tal-logħob tal-ażżard… sitwazzjoni bbażata fuq hekk imsejjaħ ‘insider knowledge’ u li kapaċi tirriżulta fi priġunerija għal min jinsab ħati.

Sa ftit ġimgħat ilu, l-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit kienu qed jidhru programmati għall-ħarifa – u fil-fatt, ħafna fost id-deputati parlamentari tat-Tories baqgħu sorpriżi bid-dikjarazzjoni li dawn iridu jsiru fl-4 ta’ Lulju.

Għaldaqstant, żdiedu s-sinjali li l-aktar nies qrib ta’ Sunak u li x’aktarx kienu involuti fid-deċiżjoni finali dwar id-data tal-elezzjoni, setgħu approfittaw miċ-ċirkustanzi biex jilagħbu l-imħatri fuq xi ħaġa ċerta. Dan ukoll fi żmien meta l-bookmakers Britanniċi kienu qegħdin joffru ‘odds’ tajbin ħafna kontra l-eventwalità ta’ elezzjonijiet bikrija.

Ladarba sar magħruf li l-investigazzjoni rrankat ġmielha, il-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar l-iżviluppi politiċi fir-Renju Unit ma tilfux iż-żmien biex jevalwaw id-dati provduti mill-kumpaniji tal-‘betting’ u fejn ikkonfermaw li numru ta’ ġukaturi kienu tassew lagħbu ‘ħafna flus’ fuq id-data tal-elezzjonijet ġenerali fir-Renju Unit, ftit qabel ħabbarha Rishi Sunak.