Nhar it-Tlieta l-Maġistrat Rachel Montebello se tkun qed tiddeċiedi għandhiex tisma’ lil Roger Agius waħedu jew fil-preżenza tal-Pulizija.
Dan hekk kif għan-nom tal-Korp, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà flimkien mal-Ispettur Shaun Friġġieri, għamel rikors hekk kif sar magħruf li l-Pulizija rċeviet talba mingħand l-uffiċċju tal-Whistle Blower Unit rigward informazzjoni li għadda Agius b’rabta mal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.
Tajjeb wieħed jinnota li din it-talba saret fl-ewwel jiem ta’ Mejju wara li f’Marzu, permezz tal-Avukat Jason Azzopardi, sar protest ġudizzjarju fejn l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul sostna li kien lest jixhed dwar dan ir-racket kif ukoll jikxef skema oħra.
Tali azzjoni, u tali talba mill-uffiċċju tal-WhistileBlower, ifisser li jaraw li dan il-każ jimmerita investigazzjoni mill-Pulizija.
Fl-aħħar jiem, mistieden waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq RTK – Roger Agius insista dwar il-fatt li hemm involut ċertu Mark Calleja magħruf bħala Gulija – person of trust fi ħdan il-Ministeru ta’ Michael Falzon – liema persuna sal-lum il-ġurnata għadu ma ttieħed ebda pass fil-konfront tiegħu.
Dan kollu b’rabta mal-iskandlu tal-frodi tal-benefiċċji soċjali fejn involut allegatament hemm ukoll fost oħrajn l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti.
Intant, minkejja l-appelli ta’ Roger Agius u l-Avukat Jason Azzopardi, fost oħrajn, Agius għadu ma ngħatax l-istatus ta’ Whistleblower sabiex jikxef l-għanqbuta involuta f’dan l-iskandlu u aktar… bir-reżistenza tal-Prim Ministru tibqa’ waħda ċara u tonda.
//= $special ?>