Lokali

Titħabbar it-13-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Din il-ġimgħa tħabbret ufficjalment it-13-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza fejn kull sena jinġabru l-fondi meħtieġa sabiex id-Dar tkompli topera u tgħin lir-residenti bl-aħjar mod.

Preżentament għaddejjin il-preparamenti kollha meħtieġa għal din il-maratona, hekk kif qed isir it-taħriġ tal-players li se jkunu qed jieħdu sehem.

Fil-bidu ta’ Ġunju, madwar 70 atleta bdew sessjonijiet ta’ taħriġ. Dawn kienu jinkludu atleti mill-14-il sena ’l fuq, uħud minnhom għall-ewwel darba… flimkien ma’ oħrajn li ħadu sehem f’għexieren ta’ maratoni matul is-snin.

Il-prestazzjoni tal-atleti matul il-programm ta’ taħriġ tiddetermina min minnhom se jagħmel parti mill-grupp finali ta’ 40, li eventwalment jieħdu sehem fil-maratona ta’ 53 siegħa volleyball. Ma’ dawn l-atleti jingħaqdu aktar minn 100 volontier li huma importanti għall-andament tal-maratona.

Minni naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef fakkar kif il-Maratona tal-Volleyball tippromovi l-volontarjat.

Huwa qal li din l-attività tħeġġeġ lis-soċjetà biex tirrispetta dejjem aktar il-persuni b’diżabbiltà u toffrilhom l-istess għażliet u opportunitajiet li qegħdin hemm għal kulħadd.

Intant, il-pubbliku huwa mistieden jattendi bi ħġaru biex jappoġġja l-plejers, jieħu gost bil-varjetà li se jkun hemm… u jagħmel id-donazzjoni tiegħu.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir fid-Dar tal-Providenza stess, bejn il-Ġimgħa 19 u l-Ħadd 21 ta’ Lulju.