Wara 170 sena ta’ storja, illum l-iskola tal-Vajrinġa tagħlaq il-bibien tagħha bħala istituzzjoni edukattiva.
Dan ħabbru s-surmast Lelio Spiteri permezz ta’ post fuq Facebook.
“Emozzjonat wisq. Qed nibża’ li mhux ser inkun kapaċi ntemm l-assembly ta’ dalgħodu”, qal Spiteri.
“Għall-aħħar darba llum niltaqgħu bħala familja f’dik il-bitħa li rat eluf ta’ tfal u edukaturi matul is-snin, semgħet talb, kant u daqq, ħasset emozzjonijiet puri, daqet it-togħma tal-istaġuni kkuluriti ta’ ħajjet it-tfal u l-kbar u xammet u xorbot il-ħlewwa, il-benna li kapaċi joffru biss it-tfal.”
“Tislima mill-qalb lil tant edukaturi u kapijiet ta’ skola li taw qalbhom fl-iskola tagħna, speċjalment lil dawk li qegħdin ħdejn il-Mulej u lil tant u tant tfal li kellhom ix-xorti jirċievu ħafna tagħlim sabiħ fil-klassijiet, fil-kurituri, fl-ispazji miftuħa. Wara llum, fil-bitħa taqa’ s-sikta. Iżda l-ħitan ser jibqgħu xhieda dejjiema ta’ familja li għal tant snin sabet fil-post kenn, tama, imħabba, opportunitajiet fejn wieħed seta’ jimraħ, jogħla ‘l fuq, jiskopri orizzonti ġodda. Grazzi kbira lill-Ħallieq li ppermetta dan kollu.”
//= $special ?>