Lokali

Disa’ persuni temmew b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga

Disa’ persuni attendew għall-gradwazzjoni tagħhom bi tlestija ta’ suċċess fil-programm ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga f’San Blas.

It-tema taċ-ċerimonja ta’ din is-sena kienet ‘Sfidi u Suċċess’, b’referenza għall-ħidma ta’ Caritas fost is-soċjetà Maltija tul dawn l-aħħar 35 sena.

Waqt diskors li għamel id-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt qal li bħalissa Caritas qed tgħin lil 55 resident li bħalissa qed isegwu wieħed mill-programmi residenzjali u persuni oħrajn li qegħdin f’xi parti mill-vjaġġ u qed jieħdu servizz mhux residenzjali.

Matul l-2023, Caritas rat 808 persuni li ħabbtet il-bieb tagħhom minħabba d-droga, li minn dawn 257 kellhom admission fi programm residenzjali u 51 li ħadu servizz minn tal-Ibwar. Rat ukoll 515-il qarib ta’ dawn il-persuni u 686 fis-Servizzi ta’ Counselling u Social Work Ġeneriċi.

Dan apparti li daħlet fit-23 skola u rat ‘il fuq minn 3,000 tifel u tifla, u waslet għand iktar minn 400 impjegat f’19-il kumpanija differenti.

Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores servew bħala xelter ta’ emerġenza għal madwar 400 persuna, filwaqt li 19-il persuna użaw il-programm Reach. Dar Papa Franġisku kienet ta’ għajnuna wkoll għal iktar minn 1,000 persuna vulnerabbli li ħadu servizz ta’ ikel bla ħlas.

Bix-xogħol ta’ Caritas li ma waqafx hawn biss hekk kif fl-aħħar xhur rajna proġetti ġodda fosthom il-bini tal-Caritas St Peter’s Storage Facility b’kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni San Pietru, u wasal biex jibda l-bini ta’ appartamenti fin-Naxxar wara li ngħatat dar b’donazzjoni lil Caritas minn persuna privata biex isir proġett ta’ Supported Housing.

Jidher li s-sitwazzjoni tal-droga ggravat f’pajjiżna hekk kif is-sena l-oħra, Caritas innutat li kompla jiżdied il-persentaġġ ta’ nies li ġew għall-għajnuna minħabba l-kokaina u l-crack cocaine, b’dan ilaħħaq is-56% tat-total tal-klijenti. U kienet l-ewwel darba li ġew iktar nies għall-għajnuna minħabba l-ħaxixa (21% tal-klijenti) milli għall-eroina (17% tal-klijenti).

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll għadd ta’ persuni li qed jingħataw servizz minn Caritas Malta, fosthom dawk f’Dar Charles Miceli u żgħażagħ residenti fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti ‘Tal-Ibwar’; il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono li ppreżentat ċertifikati lil dawk li mxew f’dan il-vjaġġ; l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi; u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.