Governanza b’saħħitha fil-kumpaniji hija fundamentali biex jirnexxu l-inizjattivi tal-ESG, għaliex din tipprovdi direzzjoni ċara biex jintlaħqu l-oġġettivi ambjentali u soċjali.
Dan sostnih il-Kap Eżekuttiv tal-Forum Marittimu Malti, Kevin J Borg, waqt Konferenza dwar l-ESG organizzata mill-istess Forum. “Ton ċar minn fuq u sistema effettiva ta’ kontroll huma aspetti fundamentali biex jintlaħqu dawn l-oġġettivi”, insista Kevin J Borg.
L-għan tal-avveniment kien li jiġu analizzati l-elementi differenti li jiffurmaw l-ESG, jiġifieri l-aspetti ambjentali, soċjali u l-governanza, b’enfasi fuq l-isfidi ewlenin li hemm quddiem is-settur marittimu, u l-isforzi tal-industrija biex tilħaq dawn l-oġġettivi.
Kevin J Borg żied li implimentazzjoni effettiva tal-ESG kienet fundamentali mhux biss biex jintlaħqu r-rekwiżiti regolatorji, iżda wkoll biex il-kumpaniji jiksbu vantaġġ kompetittiv, u jsaħħu r-reputazzjoni u l-brand tagħhom.
Godwin Xerri, Chairman tal-MMF, żied li l-“l-implimentazzjoni ta’ ESG tfisser li hemm bżonn nagħtu prijorità lill-ambjent fil-ħidma tagħna, nagħtu valur ikbar lir-relazzjonijiet umani u li nżommu mal-ogħla standards fil-qasam tal-governanza”. Żied jgħid li l-bidla hija xi ħaġa neċessarja, u li t-teknoloġija moderna u l-għaqal tar-riżorsa umana huma elementi fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum”.
It-tielet edizzjoni tal-Konferenza tal-ESG tal-MMF ġabret flimkien stakeholders mis-settur pubbliku u privat mill-industrija marittima Maltija, li tħaddem aktar minn 12-il elf ruħ, biċ-ċifra tavviċina d-doppju meta tikkunsidra s-servizzi indiretti u anċillari.
Filwaqt li għadu mhux obbligatorju għall-kumpaniji marittimi lokali kollha li jirrapportaw dwar l-ESG, Roberta Lepre, Direttur Maniġerjali ta’ Weave Consulting, saħqet li l-kumpaniji għandhom jikkunsidraw din il-possibbiltà fil-kuntest tal-accountability. “L-operaturi għandhom jidentifikaw l-aktar qafas ta’ rappurtaġġ ideali għall-organizzazzjoni tagħhom u jaħdmu mal-istakeholders rilevanti biex jaraw li verament iħallu impatt pożittiv fuq l-impjegati u l-komunità ta’ madwarhom.
Mark Scicluna Bartoli, Head of Product Development mal-Bank of Valletta, irrimarka l-iffaċilitar tar-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu permezz tal-ESG. Tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ investiment fir-riżorsa umana u f’ħiliet ogħla, hekk kif l-aspett ambjentali tal-ESG iġib miegħu aspettattivi kbar u kumplessi f’oqsma bħall-immaniġġjar tal-iskart, l-ilma u oħrajn.
//= $special ?>