Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet ir-rikors tad-difiża biex jitneħħa l-ordni ta’ ffriżar li kien ta’ €20 miljun fil-konfront tal-kumpanija Sciacca Grill li sal-2014 kienet ta’ Keith Schembri u li iżda nxtrat minn ċertu Noel Zammit 10 snin ilu.
Dan kollu wara li l-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkonkludiet li l-prosekuturi naqsu milli jippreżentaw biżżejjed provi biex jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-kumpanija fi proċeduri kriminali. Il-Qorti qalet li ħareġ li ma hemm l-ebda rabta bejn Keith Schembru u l-kumpanija Sciacca Grill wara li din bidlet l-idejn.
Il-kumpanija li kellha rabtiet fil-passat ma’ Keith Schembri tneħħiet mill-akkużi kriminali kollha relatati mal-ftehim tal-Vitals biex tipprivatizza tliet sptarijiet tal-istat, u li dan wassal biex jitressqu l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u diversi esponenti oħra tal-Partit Laburista, li fuqhom il-Qorti sabet biżżejjed provi biex tipproċedi fuq frodi, ħasil tal-flus u korruzzjoni fost akkużi oħra.
L-Eks Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Eks Ministru Edward Scicluna, illum Gvernatur tal-Bank Ċentrali, ukoll qed jiġu akkużati b’rabta ma’ din is-serqa tat-tliet sptarijiet. Sciacca Grill, li topera diversi ristoranti, ġiet rilaxxata mill-proċeduri u kienet l-unika waħda mill-14-il akkużat li ġiet meħlusa. Sciacca Grill qabel kienet magħrufa bħala Kasco Foods u proprjetà ta’ Keith Schembri, iżda Schembri biegħ id-ditta.
Il-prosekuturi argumentaw li l-kumpanija kienet ħarġet il-flus minn kuntratti li rċeviet biex tforni sptarijiet tal-istat privatizzati minn Vitals Global Healthcare u li Schembri xorta kellha rwol moħbi fiha. Iżda l-kumpanija, rappreżentata fil-Qorti mill-avukati Franco Debono, David Bonello u Marion Camilleri, argumentat li l-prosekuzzjoni ma pproduċietx biċċa evidenza biex tissostanzja t-talbiet tagħha.
Wara deliberazzjoni, il-Maġistrat ikkonkludiet li d-difiża kellha raġun. Anke jekk il-kumpanija tassew ibbenefikat minn kuntratti marbuta mal-konċessjoni tal-isptarijiet, ma tressqet l-ebda prova li torbotha ma’ Ketih Schembri jew xi attività kriminali, qalet il-Maġistrat.
Kien hawn li l-Avukati tad-difiża ppreżentaw rikors fil-Qorti Kriminali biex l-ordni ta’ ffriżar fuq €20 miljun fil-konfront tal-kumpanija ma jibqgħux fis-seħħ. Fil-Qorti ħareġ li Keith Schembri biegħ il-kumpanija Kasco lil M&N Catering Limited, ġestita minn Noel Zammit li huwa Direttur ta’ Sciacca Grill.
Il-Qorti Kriminali qalet li l-involviment tal-imputat Keith Schembri fil-kumpanija Kasco Foods Limited, jimmerità kunsiderazzjonijiet separati. Mill-evidenza jirriżulta li l-involviment tiegħu f’din il-kumpanija li bidlet isimha għal Sciacca Grill f’Marzu tal-2014, wara li Schembri temm l-assoċjazzjoni magħha fl-2013.
“Jekk tassew din il-kumpanija, setgħet bdiet tipprovdi servizzi u prodotti lill-kumpaniji li kienu jipprovdu servizzi ta’ catering lil James Caterers u lil Malta Healtcare Caterers Limited, u setgħet għalhekk ibbenefikat minn fondi mħallsin mill-Gvern taħt il-konċessjoni, il-Qorti xorta waħda ma rriżultlha ebda provi ta’ assoċjazzjoni bejn din il-kumpanija ta’ Keith Schembri, jew bejn il-kumpanija u xi attività kriminali konnessa mal-konċessjoni tal-isptarijiet lil VGH,” qalet l-Imħallef Edwina Grima.
Hi qalet ukoll li lanqas teżisti evidenza li turi li sakemm Keith Schembri ttrasferixxa l-isħma tiegħu u rreżenja minn kull pożizzjoni f’din il-kumpanija, din irċiviet xi fondi provenjenti minn xi attività li hemm suspett raġonevoli li kienet attività kriminali.
Fil-fatt, qalet il-Qorti, l-ewwel pagament li sar mill-Gvern ta’ Malta taħt konċessjoni jidher li sar fis-26 ta’ Settembru 2016, ferm wara li ntemm kull involviment fil-kumpanija ta’ Keith Schembri u kumpaniji oħrajn li jista’ jkollhom interess fihom Kasco Holdings Limited.
Barra dan il-fatt li l-kumpaniji James Caterers Limited li magħhom il-kumpanija kellha kuntratt għall-proviżjoni ta’ servizzi, ma jidhrix li qed jiġu akkużati inkonnessjoni ma’ dan il-każ. Fl-atti, qalet il-Qorti, ma jidher li l-ebda ness (rabta) bejn Keith Schembri u l-kumpanija Sciacca Grill. Dwar dan kollu l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża u rrevokat il-qbid u ffriżar li kien ħareġ fit-28 ta’ Mejju li għadda,
//= $special ?>