Lokali

Joseph Muscat ma jiċħadx il-qasma fil-Partit Laburista

Ma jridx jirriżenja minn Chairmain tal-MPL minn jheddu

“Inħalli lin-nies jiġġudikaw infixkilx lill-Partit Laburista jew le.”

Sostna dan Joseph Muscat ma’ Net News wara li staqsejnih x’jaħseb dwar il-fatt li Robert Abela qed ifarfar id-diżappunt elettorali fuqu – b’Muscat jisħaq li s’issa hu ma semgħax lill-Prim Ministru jgħid hekk.

Dan hekk kif wara r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ra lil-Labour jitlef eluf ta’ voti u l-maġġoranza f’10 Kunsilli Lokali. Bl-inkwiet fi ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ma waqafx, b’numru ta’ esponenti Laburisti joħorġu b’mod voċiferu jikkritikaw it-tmexxija ta’ Abela u t-tim tiegħu.

Sorsi fi ħdan iċ-Ċentru Laburista saħqu ma’ Net News li l-Mexxej tal-Labour ħadha kontra dawk il-kandidati li ħallew lill-eks Prim Ministru Muscat jirkbilhom il-karru – fosthom l-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard – li jidher li dabbru ċamata mingħand Robert Abela ftit tal-jiem wara d-9 ta’ Ġunju.

Madanakollu, Muscat insista li hu ma rikeb fuq il-karru ta’ ħadd u mar fejn saritlu stedina.

Mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet li qed jagħmel l-eks uffiċjal tiegħu f’Kastilja, Neville Gafà, ċioè li hemm Deputati Laburisti li ħassru l-vot tagħhom fl-aħħar elezzjonijiet Joseph Muscat stqarr li dan diffiċli biex tipprovah b’evidenza.

Fl-aħħar jiem Gafà u diversi esponenti Laburisti li tkellmu ma’ Net News saħqu li Abela u t-tim tiegħu qed imexxu lil-Labour b’id tal-ħadid u biża’ fejn kulħadd imwerwer jikkritika għaliex jirċievu t-theddid.

B’rabta ma’ dan kollu Muscat sostna li wara dan it-telf ta’ voti huwa normali li jkun hemm sentiment simili – ċioè ta’ qasma li hemm fi ħdan il-Partit Laburista.

Intant, Muscat insista li Robert Abela għandu jisma’ mill-messaġġ mibgħut mill-poplu fl-aħħar elezzjonijiet.

Dan wara li f’nofs kampanja elettorali, nies qrib ta’ Muscat – inkluż martu Michelle, sejħu għal folla nies biex jinġabru quddiem il-Qorti fl-ewwel jum li l-eks Prim Ministru tressaq quddiem il-Maġistrat Montebello akkużat fost oħrajn bi frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mal-Inkjesta Vitals.

U minkejja li tqiegħed taħt att ta’ akkuża, flimkien ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri – Jospeh Muscat ma jridx jirriżenja minn Chairmain tal-Malta Premier League.

Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu b’digriet tal-Maġistrat Rachel Montebello, il-Qorti ddeċidiet li Muscat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża fuq akkużi relatati ma korruzzjoni fil-kuntratti tal-isptarijiet wara l-Inkjesta Vitals.

Għaldaqstant, Net News staqsa lil Muscat hux se jkun qed jieħu pass lura mill-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-MPL fid-dawl ta’ dan – bl-eks Mexxej tal-Labour farfarha fuq it-timijiet tal-futbol hekk kif sostna li la darba l-klabbs lokali ma jkunux iriduh hu jwarrab.