Sport

Kampjonat FIBA Europe għall-Pajjiżi Żgħar: It-tim Nazzjonali tan-nisa rebbieħ ta’ Grupp A

It-tim Nazzjonali tan-nisa tal-basketball rebaħ it-tielet partita minn Grupp A mill-Kampjonat FIBA Europe għall-Pajjiżi Żgħar meta għeleb lil Ċipru  82 – 71.

Wara li għeleb fi Pristina lil Kosovo 72 – 65 u lil Georgia 88 – 68, it-tim Nazzjonali mmexxi minn Charles Bonnici, f’partita mill-isbaħ għeleb lil Ċipru fil-ħin barrani. Wara li Malta rebħet l-ewwel żewġ sessjonijiet 20 – 16 u 14 – 13, wara l-mistrieħ waslet ir-reazzjoni minn Ċipru li wara li rebħu t-tielet sessjoni 18 – 16, marru saħansitra fil-vantaġġ 46 – 43. Madankollu, it-tim Malti wettaq reazzjoni biex mar 50 – 47 minn fuq. L-aħħar sessjoni ntemmet 22 – 19 għal Ċipru bil-partita tintemm 69 – 69 . Fil-ħin barrani kien hemm dominju mit-tim Malti li rebaħ 13 – 2 għal total ta’ 82 – 71, u rebbieħa ta’ Grupp A.

L-aħjar scorers għal Malta kienet Amber Melgoza b’27 punt, Danika Galea b’26 punt, Steffi DeMartino bi 13-il punt u Kristy Galea bi 11-il punt.

F’Andorra La Vella, kien hemm fl-azzjoni wkoll it-tim nazzjonali tal-irġiel fit-tielet partita minn Grupp A mill-Kampjonat FIBA Europe għal Pajjizi Żgħar.

It-tim tal-irġiel jitlef ma’ Andorra

Mit-telfa kontra Ġibilità 89 – 81 u r-rebħa fuq San Marino 92 – 52, it-tim Malti mmexxi minn Duncan Fenech tilef ukoll ma’ Andorra bil-punteġġ ta’ 82 – 78. Il-partita kienet miftuħa għal kull riżultat, iżda t-tim Malti safa’ megħlub. Malta rebħet l-ewwel sessjoni 23 – 16 madankollu reazzjoni minn Andorra wasslet sabiex rebħu żewġ sessjonijiet 18 – 17 u 25 – 16 fejn minkejja reazzjoni minn Malta, rebħu wkoll l-aħħar sessjoni 23 – 22 biex għalqu b’distakk ta’ erba’ punti 82 – 78 . L-aħjar scorer għal Malta kien Samuel Deguara b’19-il punt segwit minn Nathan Xuereb b’16 , David Bugeja bi 15, Joshua Thomas bi 11 u Kurt Cassar b’10 punti.