Lokali

L-Amerikani u Malta jingħaqdu biex jiċċelebraw it-twelid tal-Amerika

Ken Toko, Chargé d’Affaires tal-Ambaxxata Amerikana, għan-nom tal-Ambaxxatriċi Constance Milstein, nhar it-Tlieta ta merħba lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, dinjitarji Maltin, rappreżentanti diplomatiċi, u ħbieb tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’ċelebrazzjoni biex tfakkar il-248 anniversarju tal-Indipendenza tal-Istati Uniti tal-Amerika. 

L-avveniment ta’ din is-sena ċċelebra wkoll is-sittin anniversarju mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi uffiċjali bejn Malta sovrana u l-Istati Uniti. 

It-tema taċ-ċelebrazzjoni kienet “Hawaiian Luau,” ċelebrazzjoni festiva ispirata mill-kultura u t-tradizzjonijiet tal-uniku stat gżira tal-Amerika.  Il-luau hija ċelebrazzjoni ta’ ħbiberija, żfin, kant, u soċjalizzazzjoni li tgħaqqad il-mistednin f’dimostrazzjoni ta’ għaqda u diversità – valuri li huma qrib ħafna tal-qlub kemm tal-Amerikani kif ukoll tal-Maltin.

Fid-diskors tiegħu, Chargé Toko enfasizza l-valuri komuni, ħbiberija soda, u relazzjoni bilaterali eċċellenti bejn l-Istati Uniti u Malta.  Huwa qal: “Illum hija okkażjoni importanti hekk kif niċċelebraw u nikkonfermaw mill-ġdid id-dedikazzjoni tagħna għall-ħbiberija dejjiema bejn l-Istati Uniti u Malta.”

 Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, esprimiet apprezzament għas-suċċessi bilaterali tas-sena li għaddiet u għall-impenn tal-gvernijiet tal-Istati Uniti u dawk Maltin biex jilqgħu l-isfidi globali tal-lum. 

Iċ-ċelebrazzjoni memorabbli rriflettiet il-wisa’ u s-sinifikat tal-kollaborazzjoni bejn l-Istati Uniti u Malta, waħda li bdiet bit-twelid tal-Istati Uniti, u li se tkompli fil-futur.