Internazzjonali

L-Indja: It-titjiriet mitfugħin f’kaos wara li ċeda saqaf fl-ajruport ta’ Delhi

L-Awtoritajiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Delhi waqqfu kumitat tekniku biex jinvestiga x’wassal għall-kroll ta’ saqaf tal-kumpless…Inċident li rriżulta fl-imwiet u feriment ta’ diversi persuni.

Jidher li l-kroll seta’ kien dovut għall-inżul qawwi tax-xita, bil-filmati juru l-karozzi taħt il-pilastri kbar li servew bħala appoġġ għas-saqaf u li ċedew direttament għal fuqhom. Il-karozzi kienu parkjati wara xulxin f’zona ta’ Terminal 1 tal-ajruport.

L-inċident wassal għas-sospenzjoni tat-titjiriet għal żmien indefinittiv waqt li l-awtoritajiet indikaw li l-ħalbiet tax-xita x’aktarx li wasslu għal dawn ir-riżultati traġiċi.

L-iskwadri għall-emerġenzi kellhom jintervjenu biex joħorġu lin-nies mill-vetturi mgħaffġin taħt il-piż tal-pilastri u tifrk ieħor, waqt li numru ta’ midruba ngħataw il-kura fuq il-post.

Dan waqt li l-linji tal-ajru qed jirranġaw it-titjiriet alternattivi għall-passiġġieri affettwati mill-inċident li ħarbat il-pjani għall-eluf tan-nies li kuljum iridu jaqbdu t-titjiriet minn Terminal 1.

Sadanittant, xi linji tal-ajru trasferew l-iskedi tat-tijtiriet għaż-żewġ terminals l-oħra tal-ajruport f’Delhi.