Internazzjonali

L-Iran: Vot għal President ġdid fi żmien delikat għar-reġim ta’ Khamenei

L-Iranjani qed jivvutaw għal President ġdid, ġimgħat wara l-mewt għall-għarrieda tal-President Ebrahim Raisi li tilef ħajtu fit-tiġrif ta’ ħelikopter waqt li kien qed jirritorna pajjiżu mill-Ażerbajġan.

Intant, l-elettorat qed jagħżel il-kandidat ippreferut minn fost erba’ sfidanti…Kandidati li huma leali għall-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran, u li qed jikkuntestaw bejniethom fi żmien meta l-poplu qed jidher dejjem aktar frustrat għall-politika inflessibbli tar-reġim f’Tehran.

‘Il fuq minn 61 miljun Iranjan huma eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni li tagħlaq fis-sigħat bikrin tas-Sibt.

Sadnaittant, din l-elezzjoni qed issir ukoll fi żmien ta’ tensjoni kbira għar-reġjun kollu minħabba l-gwerra ta’ Iżrael mal-Ħamas fl-artijiet ta’ Gaza u l-isparaturi kontinwi bejn l-Iżraeljani u l-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu. Il-Ħamas u l-Ħeżbollah it-tnejn huma alleati kbar ta’ Khamenei u l-Gvern Iranjan.

L-elezzjoni fl-Iran għandha wkoll sinifikat kbir minħabba l-programm nukleari ta’ dan il-pajjiż fundamentalista. Dan meta l-Punent  qed jinkwieta li President ġdid Iranjan kapaċi jħaffef il-proċess lejn l-iżvilupp tal-armi nukleari bħala parti minn programm li ilu għaddej għal snin u li qed jidher li rranka fl-aħħar xhur.

U għalkemm mhux mistenni li l-elezzjoni tissarraf f’theżżiża għall-politika ġenerali tal-Iran, l-għażla tal-President ġdid kapaċi, ‘il quddiem, tinfluwenza l-għażla tas-suċċessur għall-Ayatollah Khamenei, li llum gġandu 85 sena u li ilu fil-poter mill-1989.