Lokali

L-MCAST fetħet l-applikazzjoni għal prinċipal ġdid wara li tkeċċa Joachim James Calleja

L-amministrazzjoni tal-MCAST għadha kemm ħarġet sejħa ta’ applikazzjoni għal prinċipal ġdid wara li l-prinċipal Joachim James Calleja ġie mkeċċi mill-pożizzjoni tiegħu.

Dan kollu fl-isfond tal-azzjoni industrijali imposta mill-Union tal-Għalliema li xeħtet kriżi f’ħoġor l-istudenti.

B’rabta mad-direttivi tal-MUT fl-MCAST, id-direttivi ġew sospiżi sabiex l-istudenti jieħdu l-marki tal-eżamijiet tagħhom – għalkemm l-istudenti nfushom stqarrew ma’ Net News li s-sitwazzjoni hija “altru milli solvuta”.

Dan għaliex għad hemm dubbji kbar kemm dwar ir-resits kif ukoll dwar il-vivas.

Informazzjoni oħra li waslet għand Net News hi li l-letturi ntalbu biex jgħaddu l-marki tal-istudenti lill-amministrazzjoni tal-MCAST, iżda s’issa jidher li l-istudenti mhux se jkunu qed jingħataw dawn il-marki.

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jinsisti mal-Gvern sabiex jaġixxi quddiem din is-sitwazzjoni.