Fl-aħħar żviluppi b’rabta mad-direttivi tal-MUT fl-MCAST, id-direttivi ġew sospiżi sabiex l-istudenti jieħdu l-marki tal-eżamijiet tagħhom – għalkemm l-istudenti nfushom stqarrew ma’ Net News li s-sitwazzjoni hija “altru milli solvuta”.
Dan għaliex għad hemm dubji kbar kemm dwar ir-resits kif ukoll dwar il-vivas.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni permezz ta’ stqarrija qasira qal li wara xi diskussjonijiet, sar ftehim biex il-marki tal-eżamijiet ma jibqgħux jinżammu mil-letturi.
Għal dawn l-aħħar ġimgħat, l-istudenti tħallew fid-dlam dwar il-progress tagħhom u studji ulterjuri possibbli, b’madwar 8,000 persuna affettwati b’xi mod jew ieħor. Dan għaliex in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-marki li kisbu fl-eżamijiet u xogħol li wettqu, wasslet biex ma jkunux jistgħu japplikaw għal xi kors fl-Università ta’ Malta – u wisq inqas jistgħu jibdew jaħdmu fis-settur li huma studjaw fih.
Dan kollu qed iseħħ minħabba li l-Gvern ilu x-xhur iwiegħed lill-edukaturi kundizzjonijiet u pagi aħjar; iżda baqa’ ma wasalx. L-MUT sejħet tilwima industrijali għall-għalliema tagħha – fejn waħda mill-kundizzjonijiet tinkludi ż-żamma u l-ipproċessar tal-marki tal-istudenti, li ma jservux bħala invigilator waqt l-eżamijiet u ma jkunux parti mill-proċess tal-vivas.
//= $special ?>