Lokali

Pressjoni fuq Robert Abela biex ineħħi lil Randolph De Battista mill-Partit Laburista

“Engerer ipprova jinfluwenza l-vot kontra l-MEP Agius Saliba” – Ikompli t-taqbid fil-Labour

L-eks Membru Parlamentari Laburista Cyrus Engerer ikkordina e-mail permezz tal-International Planned Parenthood Federation European Network biex ifixkel il-vot favur l-MEP tal-Labour Alex Agius Saliba.

Dan allegah fuq il-media soċjali l-eks ko-ordinatur fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, Neville Gafà fejn sostna li din l-e-mail ġiet mibgħuta lill-MEPs Soċjalisti kollha ftit mumenti qabel ittieħed il-vot bil-għan li Agius Saliba jonqos milli jiġi elett viċi-president tal-S&D.

Għaldaqstant minħabba li l-partner tiegħu huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Labour, Randolph De Battista, Gafà sostna li l-Laburisti qed jistennew li s-CEO jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu b’mod immedjat u jekk jibqa’ jirrifjuta għandu jkun Robert Abela li jagħmel dan billi jwarrbu minnufih.

Neville Gafà insista li l-Mexxej Laburista għandu jneħħi lil Randolph De Battista mill-Partit, u li dan tal-aħħar għandu jirriżenja minn Membru Parlamentari f’isem il-Labour u ma jibqax jokkupa siġġu parlamentari.

Huwa temm jgħid li jekk jibqa’ jirrifjuta hija responsabbiltà tal-Prim Ministru li jwettaq dan u ħeġġu jagħmel dak li għandu jagħmel.