Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Simonds Farsons Cisk plc, li għaliha attendew azzjonisti, membri tal-Bord u l-kapijiet eżekuttivi, tlaqqgħat fis-Sala tal-Konferenzi ta’ Trident Park fl-isfond ta’ tkabbir sod, fejn Farsons Group kellu profitt qabel it-taxxa ta’ €16.1 miljun għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar, 2024. Dan ifisser żieda ta’ 4.9% fuq il-€15.3 miljun tas-sena ta’ qabel. Id-dħul mill-bejgħ laħaq €132.9 miljun, żieda ta’ 12.4% fuq iċ-ċifra ta’ €118.2 miljun fis-sena l-oħra.
Iċ-Chairman ta’ Farsons Group, Louis A. Farrugia, qal: “Il-Grupp tagħna mhux biss reġa’ beda jħallas id-dividend normali lill-azzjonisti fis-sena finanzjarja preċedenti, iżda kiseb tkabbir kontinwu fl-oqsma kollha tal-operat matul din l-aħħar sena finanzjarja. Din tirrifletti l-irkupru sod u l-impetu kostanti tagħna.”
Iċ-Chairman enfasizza wkoll ir-restawr u t-trasformazzjoni ta’ The Brewhouse f’destinazzjoni ta’ divertiment b’ħafna għanijiet, li jimmarka pass sinifikanti fl-impenn tal-Grupp biex itejjeb il-valur għall-komunità u għall-azzjonisti permezz ta’ investimenti strateġiċi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Farsons Group, Norman Aquilina qal li: “Quddiem l-isfidi tas-suq u kompetizzjoni li dejjem tiżdied, Farsons Group kompla jimxi ‘l quddiem permezz ta’ investimenti ffukati fuq il-marki tagħna u impenn qawwi biex inkabbru l-valur u ntejbu l-produttività.”
Filwaqt li kien qed jagħti rendikont dwar l-oqsma differenti tal-Grupp u r-riżultati li kisbu, Aquilina enfasizza wkoll id-dedikazzjoni lejn il-prinċipji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), u l-impenn ta’ Farsons Group lejn prattiċi sostenibbli u standards etiċi fl-oqsma kollha tal-operat.
L-azzjonisti approvaw ir-rakkomandazzjoni tal-Bord tad-Diretturi għal dividend ta’ €0.11 għal kull sehem ordinarju ta’ €0.30, ekwivalenti għal dividend finali ta’ €3,960,000, li jitħallas fit-28 ta’ Ġunju 2024 lill-azzjonisti kollha fir-Reġistru tal-Membri sa tmiem il-jum tan-negozju ta’ nhar il-5 ta’ Ġunju, 2024.
Flimkien mad-dividend interim ta’ €1,800,000 (€0.05 għal kull sehem ordinarju) li kien approvat fil-laqgħa tal-Bord tas-27 ta’ Settembru 2023, u mħallas lill-azzjonisti fit-18 ta’ Ottubru 2023, dan se jwassal għal dividend għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Jannar, 2024 ta’ €5,760,000 jew €0.16 għal kull sehem ordinarju.
//= $special ?>