Il-President Amerikan Joe Biden u l-Eks President Donald Trump iltaqgħu fl-ewwel dibattitu bejniethom wara erba’ snin – dibattitu li sar ferm aktar kmieni minn snin preċidenti.
F’dibattitu ta’ 90 minuta, iż-żewġ kandidati nfexxew f’attakki fil-konfront ta’ xulxin, b’bosta jsostnu li Joe Biden f’dan l-ewwel dibattitu – minkejja gimgħat ta’ prattika f’Camp David u b’16-il konsulent miegħu – ma kienx b’saħħtu biżżejjed fil-konfront ta’ Trump.
Il-President Biden kellu wkoll l-isfida tal-istat fiżiku u mentali tiegħu, fejn f’dan id-dibattitu m’għamilx biżżejjed sabiex juri li dan mhux minnu. Dan hekk kif f’bosta okkażjonijiet ma kienx kapaċi jiddefendi lilu nnifsu fil-konfront tal-attakki ta’ Trump. U kien hemm okkażjonijiet fejn ma nftiehemx sew x’kien l-argument li kien qed jagħmel.
Minn naħa l-oħra, l-Eks President Donald Trump kien differenti mis-soltu. Għalkemm Trump huwa magħruf għall-attakki tiegħu, fid-dibattitu pprova jippreżenta lilu nnifsu b’attitudni aktar presidenzjali
Bosta analisti sostnew li din id-differenza f’Donald Trump ħarġet għaliex hu jrid jirbaħ il-vot tal-votanti indipendenti – votanti li fl-elezzjoni tal-2020 ivvutaw lil Joe Biden. Però, preżentament, mhux kuntenti bis-sitwazzjoni tal-pajjiż.
Anke jekk Trump kien aktar moderat f’dan id-dibattitu għalkemm l-attakki fil-konfront ta’ Biden ma naqsux – b’akkużi infodati fil-konfront tal-President Amerikan u esaġerazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Uniti meta hu kien fil-White House.
Intant, meta ġew mistqosa mill-moderaturi tas-CNN rigward is-sitwazzjoni preżenti fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, Joe Biden sostna li l-Istati Unitit trid tibqa’ tgħin u tissapportja l-Ukrajna u lil Iżrael. Minn naħa tiegħu Donald Trump sostna li kieku għadu President hu, dawn il-gwerer ma kinux iseħħu u qal li jekk jitla’ President, jwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna qabel ma’ jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala President.
F’ħinijiet tad-dibattitu l-kandidati spiċċaw jippuntaw is-swaba min kien l-agħar President minnhom, b’bosta segwaċi u votanti spiċċaw diżappuntati hekk kif l-għażla li għandhom quddiemhom hija waħda fqira għall-aħħar.
Madanakollu, jidher li l-Eks President Trump ħareġ l-aktar b’saħħtu minn dan id-dibattitu, hekk kif 67% ta’ dawk li segwew ħassew li Trump ħareġ rebbieħ, b’ħafna jsostnu li Biden ma kienx b’saħħtu u m’għamel assolutament xejn biex jiddefendi l-amministrazzjoni tiegħu fil-konfront tal-attakki ta’ Trump.
//= $special ?>