Il-mexxejja Ewropej laħqu qbil fuq l-ismijiet għall-karigi tal-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Ewropew… kif ukoll għall-Kap tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif il-Ġermaniża Ursula Von der Leyen intgħażlet sabiex tmexxi fit-tieni terminu tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
F’laqgħa fi Brussell li saret il-Ħamis, il-mexxejja tal-istati membri għażlu wkoll lill-Portugiż Antonio Costa bħala President tal-Kunsill Ewropew, filwaqt li l-Estonjana Kaja Kallas ġiet nominata sabiex tokkupa l-kariga ta’ Kap għall-Affarijiet Barranin.
Id-deċiżjoni li jiġu nominati tliet politiċi meqjusa bħala persuni li għandhom esperjenza kbira fl-Unjoni Ewropea, qed tiġi meqjusa bħala pass sod mill-mexxejja Ewropej sabiex il-koalizjoni taċ-ċentru tibqa’ b’saħħitha; fl-isfond li l-lemin estrem qiegħed jgħolli rasu partikolarment fi Franza u l-Ġermanja.
Fil-fatt, fi Franza se ssir elezzjoni ġenerali fil-ġimgħat li ġejjin – bil-lemin estrem qed jerfa’ rasu u bir-Russja qed tkompli bl-invażjoni tagħha fl-Ukrajna, li issa daħlet fit-tielet sena.
Intant, f’dan is-summit Ewropew, il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni astjeniet milli tivvota favur Von der Leyen u vvotat kontra n-nomini ta’ Costa u Kallas.
Antonio Costa mistenni jieħu post l-Eks Prim Ministru Belġjan Charles Michel filwaqt li Kaja Kallas se tkun qed tissuċċedi lill-Ispanjol Josep Borrell.
//= $special ?>