Lokali

Andy Ellul implikat fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Andy Ellul, huwa kompliċi fl-iskandlu tal-frodi minn fondi pubbliċi.

Dan stqarru fi statement mal-Pulizija l-eks xufier tiegħu, Roger Agius, akkużat bis-sehem tiegħu f’dan ir-racket istituzzjonalizat lura fl-24 ta’ Novembru tal-2023 fil-bini tal-FCID, mal-Ispettur Shaun Farrugia – hekk kif f’risposta li ta lill-Maġistrat Rachel Montebello għar-rikors fil-Qorti li għamlu l-Pulizija…. l-Avukati difensuri ta’ Agius, Jason Azzopardi u Kris Busietta, spjegaw għalfejn il-klijent tagħhom mhux jafda lill-Korp.

Fir-risposta tiegħu, Roger Agius iddikjara li fit-tieni interrogazzjoni li għamel, mal-Ispettur Friggieri iffokaw speċifikament fuq il-komplicità tas-Segretarju Parlamentari fl-Ufficju tal-Prim Ministru – li wieħed jista’ jasal faċilment għall-konklużjoni li huwa Andy Ellul; ħabib antik tal-Prim Ministru Robert Abela li oriġinarjament kien co-opted fil-Parlament mill-istess Abela.

Roger Agius, li kien iservi bħala xufier ta’ Ellul, stqarr fl-interrogatorju li kellu l-barka tal-imsemmi Segretarju Parlamentari biex ma jmurx għax-xoghol f’Kastilja iżda jiffirma u jitlaq u joqgħod idurlhu d-Distrett.

L-istess Agius saħaq mal-Ispettur illi kien qal lill-imsemmi Segretarju Parlamentari li hu ma setax ikun ix-xufier tiegħu għax hu kien benefiċċjarju tal-benefiċċju tad-diżabbiltà severa u għaldaqstant kien ipprojbit milli jsuq, tant li saħansitra suppost kien irritorna l-liċenzja tas-sewqan.

Madanakollu, allegatament, Andy Ellul wiegbu: “jekk jinqala’ xi ħaġa, m’hawnx jien?!”

Intant, f’email mibgħut lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg sabiex Agius jittieħed quddiem Maġistrat – email inkluż fir-risposta msemmija u li qatt ma rċieva tweġiba għaliha… intqal li l-għada stess ta’ dan l-interrogatorju u l-istatement li ta lill-Pulizija, Roger Agius wasallu li s-Segretarju Parlamentari Laburista sar jaf li kien issemma’ fl-interrogatorju… u qal ma’ persuna terza eks kollega ta’ Agius… “kemm hu p****, ilbierah mar isemmini mal-Pulizija”. U dan l-eks kollega ta’ Roger Agius qallu: “Moħħok hemm”.

Għal dan u aktar, l-avukati Difensuri ta’ Roger Agius – implikat fil-każ tal-iskandlu tal-benefiċċji soċjali fejn  akkużat fost l-oħrajn hemm l-eks backbencher Laburista t-Tabib Silvio Grixti – qed jisħqu li l-klijent tagħhom lest jixhed quddiem il-Maġistrat biss.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jirreaġixxi

Intant, sigħat wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul sostna li b’referenza għal dak li ġie ppubblikat saħaq li ma kellu xejn xi jżid ma’ dak li qal lura f’Ottubru tal-2023.

Minflok, huwa għadda botta għall-avukati difensuri ta’ Roger Agius hekk kif insista li jaf biżżejjed x’inhuma t-tattiċi ta’ ċerti avukati.

Dan minflok li ċaħad kategorikament dak li ġie żvelat fil-konfront tiegħu.

Lura f’Ottubru b’rabta ma’ storja fil-ġurnal Times of Malta, huwa kien saħaq li ma kienx jaf u ma kienx infurmat bl-allegat abbuż.

Dan minkejja li l-eks xufier tiegħu, Roger Agius, qiegħed jisħaq li Ellul kien jaf b’dan kollu u li saħansitra f’inqas minn 24 siegħa kien ġie mgħarraf b’dak li qal fl-istatement waqt l-interrogatorju mal-Pulizija… fatt li anke dan Ellul ma ċaħdux, u wisq inqas ma ħass li kellu jiftaħ libell fil-konfront ta’ Agius jew lill-Avukati difensuri tiegħu.