Gowl f’kull taqsima kien biżżejjed biex l-Iżvizzera tavvanza mal-aħħar tmienja għall-ispejjeż tal-Italja. L-Iżvizzeri kisbu kwalifikazzjoni meritata hekk kif urew li kienu l-aħjar tim fil-ġurnata b’kontroll bil-ballun kif ukoll meta kienu qed iħallu l-inizjattiva f’idejn l-avversarji.
Fl-ewwel taqsima l-Iżvizzeri mexxew il-ballun aħjar u territorjalment kellhom aktar pussess effettiv. L-ewwel periklu serju ħolquh fl-24 minuta b’azzjoni tal-attakkant Breel Embolo li għeleb in-nasba tal-offside, avvanza u ġiegħel lil Gianluigi Donnarumma biex isalva. Risposta tal-Italja żewġ minuti wara b’azzjoni personali ta’ Federico Chiesa li ntemmet b’xutt li ġie blokkat.
Fit-32 minuta, xutt tad-difensur Ricardo Rodriguez għadda għoli, liema azzjoni serviet ta’ preludju għall-gowl tal-Iżvizzera. Ruben Vargas tefa’ kross fil-baxx mix-xellug, REMO FREULER żmarka ruħu tajjeb, daħal fil-kaxxa u ltaqa’ mal-kross. Il-midfielder ikkontrolla l-ballun u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Donnarumma, bil-ballun ħabat kemm ma’ Gianluca Mancini u mal-gowlkiper Taljan qabel daħal fix-xibka.
L-Iżvizzeri rduppjaw mal-ftuħ tat-tieni taqsima. Kien RUBEN VARGAS li rċieva passaġġ u kellu l-libertà kollha li jikkontrolla u b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ fuq ma tax ċans lil Donnarumma. Inċidentalment it-Taljani marru qrib li jnaqqsu d-distakk fit-52 minuta meta d-difensur Fabian Schär b’daqqa ta’ ras ra l-ballun jaħbat mal-wieqfa f’dak li kien se jkun gowl klassiku fix-xibka tiegħu stess.
Fid-59 minuta xutt ta’ Ndoye għadda għoli, bl-ewwel xutt fil-lasta tal-Italja wasal fit-73 minuta permezz tas-sostitut Matteo Retegui iżda Yann Sommer ma kellux problemi jsalva. Minuta wara, Scamacca laqat il-lasta mill-qrib. Fl-aħħar minuti, l-Italja baqgħet bil-pussess mingħajr periklu żejjed filwaqt li l-Iżvizzeri kienu kuntenti jħallu l-ħin għaddej.
//= $special ?>