Lokali

“Ibdlu minnufih il-liġi tal-appelli” – Il-Moviment Graffitti b’azzjoni diretta kontra l-pixxini illegali f’art ODZ fil-Qala

Matul il-jum tas-Sibt Moviment Graffitti organizza azzjoni diretta fis-sit illegali ta’ Joseph Portelli fil-Qala.

Filgħodu numru t’attivisti daħlu għal għarrieda f’dan is-sit, okkupawh temporanjament, u wettqu azzjonijiet sabiex jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li nies bħal Joseph Portelli, u żviluppaturi oħrajn, qegħdin sistematikament jitħallew mill-Gvern ta’ Robert Abela, il-politiċi u l-awtoritajiet jagħmlu ħerba minn pajjiżna b’impunità assoluta.

It-talba ewlenija tal-attivisti hija li l-Gvern ta’ Robert Abela minnufih iżomm kelmtu u jibdel il-liġi dwar l-appelli. Din il-liġi bħalissa tħalli lill-iżviluppaturi jibnu proġetti li jkunu taħt appell quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) jew il-Qorti. B’hekk, kif ġara fis-sit tal-Qala, meta l-qrati jħassru permessi maħruġa b’mod irregolari mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), il-proġetti xorta waħda jkun laħqu nbnew.

Komunitajiet u għaqdiet qegħdin ikollhom iġorru l-piż li jappellaw id-deċiżjonijiet tal-PA, biex imbagħad isibu ma’ wiċċhom binjiet illegali li l-ebda awtorità ma tieħu azzjoni effettiva dwarhom.

Is-sit tal-azzjoni diretta tas-Sibt turi biċ-ċar it-taħsir bla qies fl-ippjanar u l-ħakma tal-iżviluppaturi f’pajjiżna. Mingħajr ebda permess, Joseph Portelli qabad ikisser u jħaffer fl-ODZ tal-Qala sabiex jibni żewġ pixxini enormi. Ma waqqfu ħadd, u mhux hekk biss – wara ftit, ħarġulu l-permess għalihom.

Moviment Graffitti appellat u rebħet. Iżda għalkemm il-Qorti ħassret il-permess, minħabba l-liġi bażwija tal-appelli, il-pixxini laħqu nbnew. Għalhekk dan l-isfreġju ambjentali, kompletament illegali, għadu hawn sal-lum.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela stess, f’Mejju tas-sena li għaddiet, li stqarr li ma jagħmilx sens li jsiru xogħlijiet waqt li jkun għaddej appell. Iżda, illum, iktar minn sena wara, għad m’hemmx ħjiel ta’ riforma f’din il-liġi. Sadanittant, l-iżviluppaturi qegħdin ikomplu jagħmlu li jridu bil-barka ta’ min suppost irażżanhom.