EURO 2024 Futbol Sport

Il-Ġermanja mal-aħħar tmienja f’logħba missielta… il-VAR fiċ-ċentru tal-attenzjoni

(Ritratt: EPA)

Żewġ gowls fit-tieni taqsima kienu biżżejjed biex il-Ġermanja tikkwalifika mal-aħħar tmienja tal-Euro 2024. F’dik li kienet ripetizzjoni tal-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-1992, il-Ġermanja għelbet l-ostaklu tad-Danimarka f’logħba partikolari hekk kif il-logħba kellha tieqaf minħabba l-maltemp filwaqt li l-ewwel gowl tal-Ġermanja wasal wara li d-Daniżi kellhom gowl imħassar ftit sekondi qabel.

Il-Ġermanja kważi kellha l-bidu perfett b’gowl wara erba’ minuti mid-difensur Nico Schlotterbeck iżda l-gowl tħassar minħabba li l-gowlkiper Kasper Schmeichel ġie ostakolat minn Ilkay Gündoğan mal-ħarġa tiegħu. Fis-seba’ minuta kien Schmeichel li dawwar f’korner bi bravura x-xutt mid-distanza ta’ Joshua Kimmich.

Erba’ minuti wara, Schmeichel reġa’ kien impenjat din id-darba minn xutt mill-ewwel ta’ Kai Havertz iżda f’din l-okkażjoni wkoll il-gowlkiper Daniż kien attent u dawwar f’korner. Id-Daniżi daħlu iktar fil-logħba u filwaqt li ftit inkwetaw serjament lil Manuel Neuer, rażżnu aħjar l-attakki tal-avversarji.

Fil-35 minuta, ir-referee tal-logħba Michael Oliver waqqaf il-partita minħabba sajjetti qrib l-istadium u ftit wara saħansitra ssospenda l-logħba kawża tal-maltempata. Iż-żewġ settijiet ta’ plejers daħlu fid-dressing room sakemm il-logħba tkompliet wara madwar 25 minuta. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-gowkiper Manuel Neuer kien providenzjali biex ħareġ fil-ħin u mblokka t-tentattiv ta’ Rasmus Hojlund.

Id-Daniżi kienu għoddhom marru fil-vantaġġ fit-48 minuta b’xutt fil-baxx tad-difensur Joachim Andersen li ma tax ċans lil Neuer isalva. Madankollu wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Michael Oliver ħassar il-gowl għal dak li deher bħala offside marġinali.

Ftit sekondi wara, il-VAR reġgħet kienet fl-azzjoni din id-darba wara attakk tal-Ġermanja. Kross mix-xellug ta’ David Raum ħabat b’distanza qrib proprju ma’ id-difensur Andersen, bir-referee din id-darba jordna penalty għat-tim Ġermaniż. Inkariga ruħu KAI HAVERTZ li b’xutt fil-baxx iżda għar-rokna għeleb lil Schmeichel.

Hawn il-logħba ħadet żvolta oħra hekk kif il-Ġermaniżi ħadu l-kontroll tal-logħba. Mas-siegħa logħob, Havertz seta’ rdoppja l-iskor iżda l-konklużjoni għaddiet ftit barra. L-aħjar ċans tad-Danimarka wasal fis-66 minuta b’azzjoni bejn Christian Eriksen u Pierre-Emile Hojbjerg lejn Hojlund iżda l-attakkant seta’ kkonkluda aħjar u Neuer salva.

Ta’ dan pattew qares għaliex il-Ġermanja rdoppjat żewġ minuti wara. JAMAL MUSIALA rċieva ballun fit-tul u fl-ispazju mingħand Schlotterbeck, qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda u avvanza biex minn qagħda ideali u b’kalma liema bħalha tefa’ l-ballun wara Schmeichel.

Ir-reazzjoni tad-Danimarka kienet tixhed li s-sitwazzjoni saret diffiċli ħafna għalihom u saħansitra kienu l-Ġermaniżi li setgħu żiedu ieħor lejn it-tmiem iżda s-sostitut Florian Wirtz kellu gowl imħassar għal offside.