Lokali

EUROSTAT: Il-Maltin fost l-aktar ċittadini b’rati baxxa ta’ edukazzjoni

Aktar minn 40% tal-popolazzjoni Maltija kellha livell baxx ta’ edukazzjoni fl-2022.

Fi statistika maħruġa mill-Eurostat jidher li pajjiżna kellu waħda mill-inqas livelli ta’ edukazzjoni madwar l-Ewropa.

L-istatisika turi iswed fuq l-abjad li 40.8% tal-popolazzjoni Maltija ma komplietx skola wara l-livell sekondarju.

B’aktar minn 31% tal-popolazzjoni Maltija jkollha edukazzjoni medja – cioè li din il-faxxa tal-popolazzjoni kompliet skola wara s-sekondarja imma waqfet qabel l-Università.

Din l-istatistika uriet illi t-Turkija kien l-aktar pajjiż li kellu popolazzjoni b’livell baxx ta’ edukazzjoni – b’61.8% tal-popolazzjoni Torka twaqqaf l-edukazzjoni tagħha mal-livell sekondarju.

Madanakollu, il-pajjiżi Nordiċi u Baltiċi klassifikaw ogħla mil-medja tal-Unjoni Ewropea sal-2022, bl-Iżvezja u n-Norveġja kklasifikaw fit-tielet u r-raba’ post b’aktar minn 45% tal-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja.

Iċ-ċifri maħruġin mill-Eurostat juru wkoll illi fir-Renju Unit madwar 43.5% tal-popolazzjoni gradwaw f’edukazzjoni terzjarja.

Skont l-istatistika tal-Eurostat jidher illi 28% biss tal-Maltin għandhom edukazzjoni għolja – li jinkludu nies li attendew l-Università jew istituti oħra ta’ edukazzjoni terzjarja.

Intant, l-istatistika wriet diskrepanza wkoll bejn l-irġiel u n-nisa, fejn fi 35 pajjiż Ewropew in-nisa ta’ bejn il-25 u l-34 sena kellhom proporzjoon ogħla ta’ kisba ta’ edukazzjoni meta kkumparati mal-irġiel. B’Malta tkun wieħed mill-aktar pajjiżi li rat differenza bejn is-sessi.

Fl-istatistika maħruġa l-Kummissjoni Ewropea innotat diskrepanza bejn in-nefqa tal-Gvern fuq l-edukazzjoni u r-riżultat finali, fejn fakkret li fis-sena ta” qabel – cioè fl-2021 Malta kellha t-tielet l-akbar infiq fuq l-edukazzjoni mill-istati membri kollha. Bil-Kummissjoni tinnota li l-infiq tal-2021 wassal ir-rata ta’ persuni li waqfu skola naqas b’10%.