Il-Qorti laqgħet it-talba tal-familja tat-Tabib Megally biex issirlu awtopsja privata.
Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Mark Simiana sabet li l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kisru d-drittijiet tal-familja tat-Tabib Naged Megally – dan meta rrifjutaw it-talba tal-familja għar-rilaxx tal-katavru tiegħu.
Kien għalhekk li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei ġew ordnati sabiex jagħtu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex issir awtopsja privata.
Il-familja tat-Tabib ma kinitx aċċettat ir-raġuni tal-mewt tiegħu u riedet awtopsja, fejn kienet saret talba li din issir taħt l-awtorità ta’ Maġistrat hekk kif allegat li kien hemm negliġenza fil-kura tat-Tabib Megally.
Issa, l-Qorti ordnat illi ssir awtopsja sa mhux aktar tard minn ħmistax -il jum minn din is-sentenza u ordnat li din l-awtopsja ssir minn żewġ patoloġisti forensiċi magħżulin u mħallsin mil-familja tat-tabib fil-preżenza ta’ osservatur tal-Isptar. Il-Qorti ordnat ukoll li kwart tal-ħlas tal-professjonisti jsir mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Min-naħa l-oħra ġiet miċħuda t-talba tal-familja, li l-awtopsja ssir taħt l-awtorità tal-Maġistrat .
Għall-familja dehru l-Avukat Tonio Azzopardi u Ryan Falzon.
//= $special ?>