Wara nuqqas ta’ 18 –il sena, fl-okkażjoni tar-restawr fuq il-vara titulari ta’ San Nikola, l-Għaqda tan-Nar San Nikola, Siġġiewi, se terġa taħraq ir-replika tal-faċċata tal-knisja li s-Siġġiewi tant hu mgħaruf għaliha.
Din l-opra fil-piroteknika ġiet maħduma u maħruqa għall-ewwel darba fis-sena 1985 u mbgħad reġgħet saret tliet darbiet oħra. L-aħħar darba li saret kienet fis-sena 2006 u dakinhar il-gas kien qaleb 4 darbiet. L-ewwel kienet xegħlet replika tal-faċċata kollha kulur isfar, imbgħad waqt li kienet għadha mixgħula, xegħlet xbieha ta’ San Nikola kollha kulur wieħed li mbgħad qalbet u xegħlet bil-kuluri. Fl-aħħar kienet xegħlet ir-replika tal-faċċata tal-knisja bil-kuluri kollha li tinxtgħel il-faċċata maestuża tal-knisja Arċipretali tas-Siġġiewi.
Li jagħmel uniku din l-opra fl-arti tal-piroteknika huwa t-tip ta’ gas li jintuża, dan għaliex, jintuża dak li nsejħulu gas tat-tifi li jfisser lli għalkemm il-gas ikun għadu jaqbad, ma joħroġ l-ebda dawl jew kulur minnu u jkun jidher qisu mitfi.
Għal din is-sena, l-Għaqda tan-Nar San Nikola, Siġġiewi, nvestiet f’qafas ġdid li fuqu nħadmet din ir-replika tal-faċċata tal-knisja. Dan sar minħabba li qabel dan il-qafas kien ikun tal-injam u qasab li maż-żmien jiddeterjorha jew tiġrilu l-ħsara. Il-qafas il-ġdid sar tal-aluminju bil-ħsieb li titnaqqas il-ħsara. Għal din ir-replika tal-faċċata tal-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi intużaw madwar 16,000 gas tad-dawl u li bejn wieħed u ieħor se jdumu jaqbdu madwar 2 minuti.
Minbarra din l-opra fil-piroteknika, illejla fid-9:30pm, fis-Siġġiewi se tkun qed tiġi organizzata ħarqa tradizzjonali u nnovattiva. Fid-9:30pm mistenni jibda n-nar tal-ajru u wara jibda l-ħruq tan-nar tal-art artistiku u mekkanizat fil-pjazza ewlenija tas-Siġġiewi.
//= $special ?>