Lokali

Illum pajjiżna jiċċelebra l-festa tal-Imnarja

Illum pajjiżna jiċċelebra l-festa tal-Imnarja.

Propju fil-jum tad-29 ta’ Ġunju – il-Knisja Kattolika tfakkar il-martirju tal-ewwel Papa San Pietru u ta’ missier Malta Kattolika San Pawl. Festa li bdiet tiġi ċċelebrata minn qabel żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Fil-jiem li għaddew, saru ħafna preparamenti għal din il-festa, li bħal kull sena tiġi ċċelebrata b’attivitajiet varji fil-Buskett u r-Rabat. Propju sebat ijiem ilu – sar il-bandu tal-Imnarja – kif kien isir fi żmien il-Kavallieri, fejn jitħabbar uffiċjalment il-programm tal-attivitajiet li se jsiru f’dawn il-lokalitajiet fil-Jum tal-Imnarja.

B’dan il-bandu jkun jistieden lill-bdiewa u r-raħħala biex itellgħu r-raba’ u l-merħliet tagħhom għall-wirja u l-kompetizzjonijiet li jsiru fil-ġonna tal-Buskett.

Fost l-attivitajiet li wieħed jista’ jara se jkunu l-Pirata tal-Bandu mill-Imdina għar-Rabat, wirjiet ta’ klieb ta’ Malta, mogħoż u nagħaġ, karrettuni u karozzini, frott u ħxejjer, tjur, makkinarju u inġenji għar-raba’, logħob tradizzjonali u għana fost l-oħrajn.

Dan filwaqt li l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, qed jiċċelebra pontifikal tal-Martirju ta’ San Pietru u San Pawl fil-Konkatidral ta’ San Pawl fl-Imdina.