Lokali

Order in Chaos: Pubblikazzjoni b’ritratti mill-isbaħ

Ġabra ta’ ritratti mill-isbaħ li juru d-dedikazzjoni u l-passjoni tal-fotografu Martin Agius li għal dawn l-aħħar għaxar snin żar numru ta’ pajjiżi u ħa ritratti mill-isbaħ bl-istil ta’ street photography.

Order in Chaos hija pubblikazzjoni b’il fuq minn 50 ritratt u jinkludi ritratti meħudin f’Londra, Milan, Valencia u Venezja kif ukoll f’Malta – ritratti li ttieħdu fil-ħin personali tiegħu u oħrajn li siefer apposta għalihom.

F’kummenti ma’ Net News Martin Agius spjega illi l-istreet photography jieħu ħafna ħin sabiex wieħed ikollu r-ritratt fil-kompożizzjoni li jixtieq. Dan ifisser li stil bħal dan jiddependi minn ħafna fatturi; fosthom it-temp tal-ġurnata kif ukoll it-tip ta’ nies li jkunu għaddejjin miż-żona.

Huwa spjegalna kif matul dawn l-aħħar għaxar snin kompla jitgħallem sabiex ikompli jsaħħaħ it-teknika tiegħu.

Matul dawn l-aħħar snin il-fotografu Martin Agius kellu diversi esebizzjonijiet ta’ ritratti – esebizzjonijiet li għalihom attendew numru kbir ta’ nies.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa Martin Agius ippreżenta kopja tal-publikazzjoni Order in Chaos lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Matul din il-laqgħa l-fotografu Martin Agius spjega l-ħsieb wara uħud mir-ritratti kif ukoll fejn ittieħdu – u l-memorji li hemm wara kull ritratt.