Żvizzera kontra Italja se tkun l-ewwel partita li tiftaħ il-fażi tan-knockout matul din l-EURO 2024. Partita li fuq il-karta tidher xi ftit diffiċli għat-tim ta’ Luciano Spalletti iżda żgur li mhix waħda mpossibli.
L-Italja kwalifikaw għal din il-fażi permezz tat-tieni post minn Grupp B fejn temmew wara Spanja. Huma kwalifikaw b’gowl drammatiku fl-aħħar sekondi tal-partita kontra l-Kroazja fi draw ta’ 1-1. Minn naħa l-oħra, l-Iżvizzera wkoll kwalifikaw bit-tieni post minn Grupp A meta temmew wara l-Ġermanja li rebħu dan il-grupp.
Bi tħejjija għal din il-partita, l-kowċ Taljan Luciano Spalletti qal li t-tim tiegħu rnexxielu jikseb punt f’partita diffiċli kontra l-Kroazja fejn iddeskriva dak li għamlu l-plejers tiegħu bħala straordinarju. Hu żied jgħid li t-tim tiegħu għad fadalli xi jtejjeb u li l-iżbalji huma ġenwini u frott l-entużjażmu li għandhom il-plejers tiegħu.
Il-kowċ Żvizzeru Murat Yakin qal li l-avversarji tiegħu għandhom plejers ta’ kwalità u li se tkun partita diffiċli ferm. Hu qal li t-tim tiegħu se jkun iffukat fuq il-prestazzjoni tiegħu u preparaw sabiex inaqqsu mill-potenzjal tal-plejers Taljani u jagħrfu jisfruttaw in-nuqqasijiet tagħhom.
Għal din il-partita l-Italja se jkunu qed jilagħbu mingħajr id-difensur ċentrali Riccardo Calafiori li se jkun sospiż filwaqt li l-Iżvizzera se jkunu mingħajr Silvan Widmer.
//= $special ?>