Hekk kif mil-lum jibdew jintlagħbu l-ewwel partiti mill-fażi tal-aħħar 16 teżisti possibiltà realistika li l-Italja u l-Ingilterra jiltaqgħu fil-kwartifinali ta’ l-EURO 2024.
Din tkun it-tieni darba konsekuttiva li l-Italja u l-Ingilterra jiltaqgħu kontra xulxin fil-Kampjonati Ewropej hekk kif diġa għamlu dan fl-aħħar edizzjoni meta ltaqgħu kontra xulxin fil-finali li ntlagħbet f’Wembley Stadium fejn dakinhar kienu l-Italja li ħarġu rebbieħa wara l-għoti tal-penalties.
B’kollox bejniethom lagħbu 32 partita fejn l-ewwel darba li lagħbu kontra xulxin f’Kampjonati Ewropej kien fl-1980 meta dakinhar f’Turin l-Italja kienet għelbet lill-Ingilterra 1-0 bil-gowl ikun skorjat minn Marco Tardelli. Iż-żewġ nazzjonijiet reġgħu ltaqgħu kontra xulxin fl-2012 meta dakinhar ukoll it-tim Taljan ħareġ rebbieħ bil-penalties kif ukoll ġara fil-finali ta’ Wembley Stadium fil-11 ta’ Lulju tal-2021 fejn dakinhar l-Italja rebħet il-Kampjonati Ewropej għat-tieni darba.
Illum jilagħbu l-Italja kontra l-Iżvizzera filwaqt li għada l-Ingilterra tilgħab kontra l-Islovakkja bir-rebbieħa ta’ dawn iż-żewġ partiti jilagħbu kontra xulxin nhar is-Sibt 6 ta’ Lulju.
//= $special ?>