Lokali

Randolph De Battista jikkonferma l-eżistenza ta’ qasma fil-Partit Laburista

“Id-diskors kontra l-ġudikatura u l-ġurnalisti telfu l-voti”

Il-qasma fi ħdan il-Partit Laburista issa hija waħda uffiċjali wara l-ammissjoni tal-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista f’kollegament telefoniku ma’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK103.

Dan hekk kif is-CEO tal-Labour ammetta li hemm grupp fi ħdan il-Labour li qed imur kontra dak li jaħdem għalih hu.

Dan hekk kif De Battista inista li hemm nies fi ħdan il-Partit Laburista li ma jridux jiġu mwarrba biex jagħmlu spazju għal nies oħra – nies li jagħmlu ħafna storbju u għandhom interess li ma jinbidlux l-affarijiet.

B’rabta mal-allegazzjonijiet li għamel fl-aħħar jiem l-eks uffiċjal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà fil-konfront ta’ Randolph De Battista, is-CEO tal-Labour sostna li din il-kritika sodisfatt biha hekk kif saħaq li la darba faxxisti, kriminali u mafjużi qed jikkritikawh sinjal li qed jagħmel xi ħaġa tajba.

Intant, De Battista kritika l-aġir u n-narrattiva li mexa biha tul il-kampanja elettorali il-Prim Ministru Robert Abela bl-attakki fuq il-ġudikatura u l-ġurnalisti.

Dan filwaqt li ta’ x’jifhem li fi ħdan il-Partit Laburista mhux qed jisimgħuh biżżejjed tant li stqarr li daqt ikollu jixtri megaphone.

Intant mistoqsi jekk Joseph Muscat għandux jinqata’ minn mal-Labour hekk kif jinsab akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn, De Battista insista li kull min hu involut fxi każ ta dik il-portata, għandu dritt jiddefendi lilu nnifsu – iżda ma jasibx li għandu jiddefendih il-Labour…u jispiċċa lilll-ġudikatura.