Telqa, periklu kbir u persuni reqdin f’nofs ta’ passaġġ.
Hi din is-sitwazzjoni li wieħed sfortunatament isib fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, fil-Gżira. Sitwazzjoni li ilha fl-istess stat għal dawn l-aħħar snin, b’dawk responsabbli għadhom ma ħadux xi forma ta’ azzjoni.
NET News iltaqa ma’ resident Gżirjan, Mark Vella Baldacchino, li tkellem magħna dwar din is-sitwazzjoni u uriena t-telqa assoluta li wieħed isib f’dan l-ispazju pubbliku.
Huwa spjega kif dan il-ġnien qiegħed fi stat ta’ periklu mhux biss għar-residenti iżda wkoll għall-viżitaturi li spiss iżuru l-post, inklużi t-turisti kif ukoll tfal..mimli b’skart ma’ kullimkien minħabba n-nuqqas ta’ reċipjenti adekwati.
Vella Baldacchino saħaq li bandli tat-tfal ukoll jinsab mitluq u ta’ periklu.


Hemm ukoll tħassib dwar sigurtà minħabba n-nuqqas ta’ dawl adegwat matul il-lejl, li jistà jwassal għal sitwazzjonijiet perikolużi fejn il-persuni jistgħu faċilment iwġġgħu jew saħansitra jkunu fil-mira ta’ atti kriminali.
Il-problemi m’humiex limitati biss għall-iskart u l-faċilitajiet mitluqa. Hemm ukoll siġar mejtin li huma ta’ periklu, speċjalment meta r-riħ ikun qawwi.

Barra minn hekk, il-ġnien għandu bankijiet antiki sfrundati, li qegħdin jagħtu dehra aktar ta’ abbandun lill-post. Ġie rrapuratat ukoll li dan il-ġnien sar post fejn nies jiġu sabiex isibu kenn u jorqdu fuq il-bankijiet, u anke fil-passaġġi.

F’kumment ma’ NET News, Mark spiċċa billi jgħidilna fuq x-xewqa tiegħu għal dan il-ġnien, sabiex il-ġnien isir post ta’ divertiment għar-residenti, familji u turisti.
