Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Vinny Vella

Is-Sibt filgħodu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħ’Attard ingħatat l-aħħar tislima lil Vinny Vella li kien l-aħħar ikona tal-Belt Valletta mill-epoka maġika ta’ Pjazza Reġina u Strada Stretta.

Vinny miet l-Erbgħa li għadda fl-età ta’ 96 sena u kellu tlett itfal. Fiċ-ċrieki mużikali, Vinny Vella kien meqjus bħala “surmast” uniku u “leġġenda mużikali”.

Waqt l-omelija Vinny Vella ġie deskritt bħala raġel umli u li dejjem kien ikellem lil kulħadd. F’ħajtu huwa kien jiddedika l-ħin għall-mużika li tant kien iħobb kif ukoll kien jiddedika l-ħin lil familtu.

Intqal ukoll li Vinny Vella kien ibiddel l-mumenti ordinarji f’memorju straordinarji. Tul ħajtu huwa uża t-talent tiegħu sabiex iferraħ, jfarraġ kif ukoll jispira lil dawk kollha li kienu jismigħu l-mużika tiegħu.

Fl-omelija ntqal li l-mużika kienet mera ta’ qalbu u kien idoqq b’passjoni u dedikazzjoni kbira fejn bil-valuri li kien iħaddan kien jitrażżmettihom fil-mużika,

Intant, il-band tiegħu Vinny’s Blue Jackets kienet iddur kull rokna tal-kapitali. Bil-mużika ta’ Vinny Vella tiddomina għal kważi tliet deċenji – mis-snin 50 sas-snin 80.

Vinny u l-orkestra tiegħu daqqew ma’ kantanti magħrufa bħal Bobby Solo u Albano. Hu kellu esperjenzi barra minn pajjiżna, filwaqt li daqq anke quddiem ir-Reġina Eliżabbetta II.