Internazzjonali

Tkompli l-għajta sabiex Biden ma jkomplix jikkontesta għall-Presidenza

Ritratt: CNN

Tkompli tippersisti l-għajta fl-Istati Uniti sabiex il-President Joe Biden jieħu pass lura u ma jkomplix jikkontesta għal din il-Presidenza wara d-dibattitu diżastruż li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa.

Kien imiss il-ġurnal ‘The New York Times’ li appellat lil Biden sabiex jagħti ċans lil kandidat ieħor jirbaħ lil Donald Trump. Bl-editorjal f’dan il-ġurnal juża kliem milll-aktar iebes u jgħid li l-aħjar ħaġa li jista’ jagħmel Biden huwa li ma jikkontestax għal Presidenza oħra.

Intqal ukoll li hemm alternattivi li huma aktar kompetenti u kompettitivi li żgur kapaċi jikkonvinċu lin-nies sabiex jivvutawlhom. Żied jgħid ukoll li m’hemm l-ebda raġuni li d-demokratiċi jirriskjaw l-istabbiltà kif ukoll is-sigurtà tal-pajjiż billi jisfurzaw lill-votanti jagħżlu bejn Trump – li qed jaffaċċja akkużi kriminali u Biden li kulma jmur qed jidher ferm aktar evidenti li għandu problemi fil-memorja.

Għaldaqstant ġurnata wara dan id-dibattitu f’rally li ġie organizzat f’North Carolina huwa deher li aċċetta l-kritika fil-konfront tiegħu pero huwa ta l-kelma tiegħu lil dawk preżenti li kieku ma setax jagħmel dan ix-xogħol ma kienx jerġa’ jikkontesta.

Dan apparti li fid-diskors tiegħu huwa attakka lil Donald Trump u fakkar fir-rekord kriminali tiegħu.

Minn naħa l-oħra sigħat wara dan ir-rally, l-eks President Donald Trump waqt rally li organizza f’Virginia huwa qal li l-età ta’ Biden mhux problema iżda l-fatt li huwa inkompetenti li jkompli jokkupa din il-kariga. Trump qal ukoll li waqt id-dibattitu Biden deher li ma kienx jaf x’kien qiegħed jagħmel.

Iżda l-Viċi-President Kamala Harris, l-eks President Barack Obama u numru ta’ esponenti kollha urew fiduċja assoluta f’Biden u qalu li fid-dibattitu huwa spiċċa b’saħħtu. Kollox jindika li Biden se jieħu sehem fid-dibattitu li jmiss li se jsir fl-10 ta’ Settembru li ġej.

Intant, bosta rapporti internazzjonali imdikaw li il-Gvernatur ta’ California Gavin Newsom kapaċi jilħaq flok Joe Biden iżda s’issa huwa wera appoġġ assolut wara l-President.